27.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 355/6


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ Ottubru 2015

li tirrikonoxxi d-Dipartiment tas-Sajd, il-Kaċċa u l-Agrikoltura ta’ Greenland (APNN) f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1850 li jistipula r-regoli dettaljati tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki

(2015/C 355/05)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1850 tat-13 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 (2) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom il-prodotti mill-foki li jirriżultaw mill-kaċċa mill-Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra, u l-prodotti mill-foki mill-ġestjoni tar-riżorsi tal-baħar, jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-UE.

(2)

Kwalunkwe tqegħid fis-suq ta’ tali prodotti għandu jkun akkumpanjat minn dokument minn korp rikonoxxut li jattesta li l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 ġew issodisfati.

(3)

Fil-25 ta’ April 2013, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni (3) li tirrikonoxxi lid-Dipartiment tas-Sajd, il-Kaċċa u l-Agrikoltura ta’ Greenland (APNN) f’konformità mal- Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 737/2010.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2015/1775 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) emenda l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom il-prodotti mill-foki li jirriżultaw mill-kaċċa mill-Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2015/1775 ħassar ir-Regolament (UE) Nru 737/2010 b’effett mid-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1850.

(6)

Fil-28 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni rċeviet talba, akkumpanjata b’evidenza dokumentata, mid-Dipartiment tas-Sajd, il-Kaċċa u l-Agrikoltura ta’ Greenland (APNN), datata 24 ta’ Settembru biex jiġi awtorizzati mill-ġdid bħala korp rikonoxxut fid-dawl tal-emendi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009.

(7)

Il-Kummissjoni, wara li wettqet valutazzjoni tal-evidenza dokumentata li takkumpanja ppreżentata biex tiddetermina jekk ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent tal-korpi skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1850, fid-dawl tal-emendi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 ġewx sodisfati, hija sodisfatta li d-Dipartiment tas-Sajd, il-Kaċċa u l-Agrikoltura ta’ Greenland (APNN) jissodisfa r-rekwiżiti skont l-Artikolu 3(1)(b) u (e) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1850.

(8)

Għalhekk id-Dipartiment tas-Sajd, il-Kaċċa u l-Agrikoltura ta’ Greenland (APNN) għandu jingħata r-rikonoxximent mitlub,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Dipartiment tas-Sajd, il-Kaċċa u l-Agrikoltura ta’ Greenland (APNN) huwa rikonoxxut skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1850.

Artikolu 2

Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat-Ġenerali għall-Ambjent huwa inkarigat li jiżgura li l-applikant jkun nnotifikat b’din id-Deċiżjoni, u li l-kontenut ta’ din id-Deċiżjoni jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 271, 16.10.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 tal-10 ta’ Awwissu 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 216, 17.8.2010, p. 1).

(3)  http://ec.europa.eu/environment/biodiversity/animal_welfare/seals/pdf/2013_2277_en.pdf

(4)  Ir-Regolament (UE) 2015/1775 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki u li jirrevoka r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 (ĠU L 262, 7.10.2015, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 286, 31.10.2009, p. 36).