30.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/37


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1026

tad-19 ta' Ġunju 2015

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2009/589/KE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Polonja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Lulju 2009, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/589/KE (1) abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li kien hemm defiċit eċċessiv fil-Polonja.

(2)

Fl-istess data, skont l-Artikolu 104(7) tat-TKE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, indirizza rakkomandazzjoni lill-Polonja bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2012.

(3)

Fil-21 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill ikkonkluda li l-Polonja kienet ħadet azzjoni effettiva, iżda li kienu seħħew avvenimenti ekonomiċi negattivi b'implikazzjonijiet kbar fuq il-finanzi pubbliċi wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni oriġinali. Għaldaqstant, il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, qies li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 kienu sodisfatti u adotta Rakkomandazzjoni ġdida li tikkonċerna l-Polonja taħt l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), bil-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sal-2014 (3).

(4)

Fl-10 ta' Diċembru 2013, skont l-Artikolu 126(8) tat-TFUE, il-Kunsill iddeċieda li l-Polonja ma kinitx ħadet azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013 biex tikkoreġi d-deċifit eċċessiv tagħha sal-2014 (4) u adotta rakkomandazzjoni ġdida taħt l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, fejn irrakkomanda li l-Polonja ttemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tagħha sal-2015 (5). F'dik ir-rakkomandazzjoni, il-Kunsill irrakkomanda li l-Polonja tilħaq defiċit nominali ta' 4,8 % tal-PDG fl-2013, 3,9 % tal-PDG fl-2014 u ta' 2,8 % tal-PDG fl-2015 (bl-esklużjoni tal-impatt tat-trasferimenti tal-assi mis-sistema ta' pensjonijiet tat-tieni pilastru). Abbażi tal-previżjoni makroekonomika li kienet il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, dan kien konsistenti ma' titjib tal-bilanċ strutturali ta' 1 % tal-PDG fl-2014 u ta' 1,2 % tal-PDG fl-2015. Ġie rrakkomandat ukoll li l-Polonja timplimenta b' mod rigoruż il-miżuri li kienet diġà ħabbret u adottat, filwaqt li tikkumplimentahom b' miżuri addizzjonali sabiex tilħaq korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv sal-2015. Il-Polonja ngħatat skadenza tal-15 ta' April 2014 biex tirrapporta dwar il-miżuri meħuda biex tikkonforma ma' din ir-rakkomandazzjoni.

(5)

Fit-2 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni kkonkludiet li f'dak il-mument, ma kien meħtieġ l-ebda pass ieħor fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

(6)

Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dak il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw data dwar id-defiċits u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tagħhom u dwar varjabbli assoċjati oħrajn darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (6).

(7)

Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni biex jirrevoka deċiżjoni fuq l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv abbażi tad-data notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata biss jekk il-previżjonijiet tal-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-limitu ta' 3 % tal-PDG tul il-perjodu tal-previżjoni (7); u l-proporzjon tad-dejn jissodisfa l-element li jħares 'il quddiem tal-valur referenzjarju tad-dejn.

(8)

Barra minn hekk, f'konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, għandha tingħata kunsiderazzjoni dovuta lir-riformi sistemiċi tal-pensjonijiet li jintroduċu sistema b'diversi pilastri li tinkludi pilastru mandatorju ffinanzjat kompletament.

(9)

Abbażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, wara n-notifika mill-Polonja f'April 2015, il-Programm ta' Konverġenza tal-2015 u l-previżjoni tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

Fl-2014, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika kien jammonta għal 3,2 % tal-PDG. Billi dan in-numru jista' jitqies li huwa qrib il-valur ta' referenza u l-proporzjon ta' dejn għall-PDG tal-Polonja huwa taħt is-60 % tal-valur ta' referenza tal-PDG b'mod sostenut, il-Polonja hija eliġibbli għad-dispożizzjonijiet rigward ir-riformi sistemiċi tal-pensjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. Ir-riforma sistemika tal-pensjonijiet tal-Polonja mill-1999 ġiet annullata minn liġi li ġiet adottata f'Diċembru 2013. Fuq il-bażi ta' dan l-annullament, parti mill-assi akkumulati mill-fondi privati tal-pensjonijiet iffinanzjati kompletament (li jiffurmaw it-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet tal-Polonja) ġew trasferiti għall-iskema pubblika tas-sigurtà soċjali (l-ewwel pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet tal-Polonja). Barra minn hekk, it-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet tilef il-kopertura universali tiegħu, fis-sens li l-parteċipazzjoni ma baqgħetx obbligatorja. B'riżultat ta' dan, l-annullament tal-2013 temm in-natura sistemika tar-riforma tal-1999. Madankollu, sal-aħħar ta' Lulju tal-2014 il-kontribuzzjonijiet soċjali tal-parteċipanti kollha xorta waħda għaddew għat-tieni pilastru. Dawn il-kontribuzzjonijiet huma l-kostijiet netti tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet tal-1999 u għandhom jiġu kkunsidrati meta tiġi vvalutata l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Il-kostijiet netti diretti totali għall-perjodu Jannar — Lulju 2014, huma stmati għal 0,4 % tal-PDG, u għalhekk huma biżżejjed biex jispjegaw l-eċċess tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fuq il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG stabbilit mit-Trattati fl-2014.

Il-programm ta' konverġenza, ippreżentat mill-Gvern Pollakk fit-30 ta' April 2015, jimmira defiċit ta' 2,7 % tal-PDG fl-2015 u ta' 2,3 % tal-PDG fl-2016. Il-previżjoni tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015 tipprojetta defiċit ta' 2,8 % tal-PDG fl-2015 u, abbażi ta' suppożizjoni ta' ebda bidla fil-politika, ta' 2,6 % tal-PDG fl-2016. B'hekk, id-defiċit mistenni li jibqa' taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG stabbilit mit-Trattati matul il-perjodu ta' previżjoni.

Il-Kummissjoni tistma li l-bilanċ strutturali, li hu l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u nett minn miżuri ta' darba u miżuri oħra temporanji, tjieb b'0,9 % tal-PDG fl-2014.

Id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika ammonta għal 50,1 % tal-PDG fl-2014. Il-previżjoni tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015 tipprojetta li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika ser jonqos b'mod temporanju għal 50,9 % tal-PDG fl-2015,u 50,8 % tal-PDG fl-2016, jiġifieri taħt il-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG.

(10)

Mill-2015, li hija s-sena ta' wara dik li fiha saret il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-Polonja hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u għandha timxi lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju tagħha b'pass xieraq, inkluż billi tirrispetta l-punt ta' referenza tan-nefqa. Il-previżjoni tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015 tas-servizzi tipprojetta li l-bilanċ strutturali se jitjieb b'0,2 % tal-PDG kemm fl-2015 kif ukoll fl-2016, ibbażat fuq is-suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika. Fuq il-bażi ta' valutazzjoni kumplessiva, huwa projettat li il-Polonja tkun konformi mal-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-2015 skont it-tkabbir fl-infiq nett taħt in-norma, billi hemm ir-riskju ta' xi devjazzjoni mit-triq ta' aġġustament meħtieġ fl-2016 peress li l-aġġustament strutturali jaqa' taħt ir-rekwiżit fl-2016 b'tali mod li sejrin ikunu meħtieġa aktar miżuri f'dik is-sena.

(11)

F'konformità mal-Artikolu 126(12) tat-TFUE, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru konċernat.

(12)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Polonja ġie kkoreġut u d-Deċiżjoni 2009/589/KE għaldaqstant għandha tiġi revokata.

(13)

Il-Kunsill ifakkar li r-riforma sistemika tal-pensjonijiet tal-1999 ħadet post skema tal-pensjoni pubblika b'benefiċċju definit, b'sistema tat-tliet pilastri bbażata fuq kontributi definiti. L-għan ewlieni tar-riforma kien li jtejjeb is-sostenibilità tas-sistema tal-pensjonijiet tal-Polonja speċjalment fid-dawl ta' sfida kbira mill-perspettiva demografika li qed taffaċċja l-Polonja. L-annullament tar-riforma sistemika fi tmiem l-2013, żied għal darb'oħra r-rwol tal-ewwel pilastru pubbliku, li, kuntrarjament għat-tieni pilastru, mhuwiex kompletament finanzjat, iżda sistema ta' kontribuzzjoni nozzjonali definita. Filwaqt li jipproduċi xi appoġġ baġitarju fi żmien qasir, l-annullament tar-riforma sistemika tal-1999 ma jtejjibx is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, minħabba li l-benefiċċji fuq perjodu qasir ta' żmien minn kontribuzzjonijiet soċjali ogħla u ħlas ta' imgħax aktar baxx, fil-futur se jiġu kkumpensati minn ħlas ta' pensjoni ogħla mill-pilastru tal-pensjoni pubblika. B'mod ġenerali, l-annullament tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet tal-1999 fih xi riskji għall-finanzi pubbliċi tal-Polonja fuq medda twila ta' żmien,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni kumplessiva jirriżulta li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Polonja ġiet ikkoreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2009/589/KE hija b'dan revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. REIRS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/589/KE tas-7 ta' Lulju 2009 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fil-Polonja (ĠU L 202, 4.8.2009, p. 46).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013 bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fil-Polonja.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/758/UE tal-10 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi li ma ttieħdet ebda azzjoni effettiva mill-Polonja b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013 (ĠU L 335, 14.12.2013, p. 46).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2013 bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fil-Polonja.

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

(7)  B' konformità ma' “Speċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut ta' Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza” tat-3 ta' Settembru 2012. Ara: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf