25.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/68


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/993

tad-19 ta' Ġunju 2015

li tawtorizza lid-Danimarka biex tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f'port, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tal-ittra tat-2 ta' Lulju 2014, id-Danimarka talbet l-awtorizzazzjoni biex tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f'port (“elettriku mix-xatt”), skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/96/KE. Fuq talba tal-Kummissjoni, id-Danimarka pprovdiet informazzjoni addizzjonali fit-13 ta' Novembru 2014 u fit-23 ta' Frar 2015.

(2)

Bit-tnaqqis fit-taxxa li beħsiebha tapplika, id-Danimarka għandha l-għan li tippromwovi l-użu tal-elettriku mix-xatt. L-użu ta' dan l-elettriku huwa meqjus bħala mezz li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati fil-portijiet, meta mqabbel mal-ħruq ta' fjuwils tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.

(3)

Safejn l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta' tniġġis tal-arja li joriġinaw mill-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti abbord il-bastimenti fl-irmiġġ, dan jagħti kontribut għal titjib tal-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali. Taħt il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-istruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fir-reġjun ikkonċernat, jiġifieri s-suq tal-elettriku Nordiku li jinkludi d-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżvezja, u n-Norveġja, l-użu tal-elettriku mill-grilja tax-xatt minflok l-elettriku ġġenerat permezz tal-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti abbord huwa mistenni li jnaqqas aktar l-emissjonijiet tal-CO2. Il-miżura għalhekk hija mistennija li tagħti kontribut lill-objettivi tal-politiki ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.

(4)

Id-Danimarka talbet b'mod espliċitu li t-tnaqqis tat-taxxa ma jiġix applikat għall-elettriku pprovdut direttament lil dgħajjes privati użati għar-rikreazzjoni rmiġġati f'port.

(5)

L-għoti ta' permess lid-Danimarka biex tapplika rata mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq l-elettriku għall-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jiżdied l-użu tal-elettriku mix-xatt, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet il-ġenerazzjoni abbord tal-elettriku se jibqa' l-iżjed alternattiva kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba li t-teknoloġija għadha mhix disponibbli fid-Danimarka, il-miżura x'aktarx li ma twassalx għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-ħajja tagħha u għalhekk mhux se jkollha effett negattiv fuq il-funzjonament korrett tas-suq intern.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dak l-Artikolu għandu jkollha żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu ta' awtorizzazzjoni huwa twil biżżejjed biex ma jiskoraġġix lill-operaturi tal-port milli jagħmlu l-investimenti neċessarji, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perjodu ta' sitt snin, soġġett madankollu għal dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kwistjoni li jistgħu jiġu adottati skont l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u li jistgħu jsiru applikabbli qabel l-iskadenza prevista tal-perjodu ta' awtorizzazzjoni.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Danimarka hija b'dan awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq l-elettriku għall-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati fil-portijiet, għajr dgħajjes għal użu rikreattiv privat, sakemm il-livelli minimi ta' tassazzjoni msemmijin fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE jiġu rispettati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjonigħandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Hija għandha tiskadi sitt snin wara tali data. Madankollu, jekk il-Kunsill, huwa u jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 TFUE, jistipula regoli ġenerali rigward vantaġġi fiskali għall-elettriku mix-xatt, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi dakinhar li fih dawk ir-regoli ġenerali jsiru applikabbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. REIRS


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 09 Volum 001 p. 405.