23.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/96


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/975

tad-19 ta' Ġunju 2015

dwar miżura li ħadet Spanja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' trapan tal-impatt importat fi Spanja minn HIDALGO'S GROUP, Spanja

(notifikata bid-dokument C(2015) 4086)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tagħha,

Billi:

(1)

Spanja infurmat lill-Kummissjoni dwar miżura li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' trapan tal-impatt, tat-tip Dayron/70000, importat fi Spanja minn HIDALGO'S GROUP, Spanja.

(2)

It-trapan tal-impatt għandu l-marka CE skont id-Direttiva 2006/42/KE.

(3)

Il-miżura ttieħdet għax it-trapan tal-impatt ma jikkonformax mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, il-punt 1.3.2 — Ir-riskju ta' ksur waqt it-tħaddim, il-punt 1.7.3 — Immarkar tal-makkinarju u l-punt 1.7.4.2 — Kontenut tal-istruzzjonijiet, peress li l-għodda ma għaddietx mit-test tar-reżistenza, tkisser il-qafas tagħha, u għalhekk ħolqot ir-riskju ta' qtugħ u/jew il-possibbiltà ta' aċċess għall-partijiet attivi.

(4)

Spanja infurmat lid-distributur u lill-importatur b'dawn in-nuqqasijiet. Minn jeddu, id-distributur ħa l-miżuri meħtieġa biex ineħħi mis-suq il-prodotti li mhumiex konformi.

(5)

Id-dokumentazzjoni disponibbli, il-kummenti espressi u l-azzjoni li ħadu l-partijiet konċernati juru li t-trapan tal-impatt tat-tip Dayron/70000 ma jissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza tad-Direttiva 2006/42/KE. Għaldaqstant jixraq li l-miżura li ħadet Spanja titqies ġustifikata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura li ħadet Spanja biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' trapan tal-impatt, tat-tip Dayron/70000, importat fi Spanja minn HIDALGO'S GROUP, Spanja, hija ġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Elzbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.