|
23.6.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 157/51 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/972
tat-22 ta' Ġunju 2015
li tvara operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tat-18 ta' Mejju 2015 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-18 ta' Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778. |
|
(2) |
Bħala segwitu tar-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni, l-EUNAVFOR MED għandha tiġi varata fit-22 ta' Ġunju 2015. |
|
(3) |
F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża. B'konsegwenza ta' dan, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, la hi marbuta minnha u lanqas hija soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, u ma tipparteċipax fil-finanzjament ta' din l-operazzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Pjan tal-Operazzjoni u r-Regoli ta' Kumbattiment fir-rigward tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED) huma b'dan approvati.
Artikolu 2
1. L-EUNAVFOR MED għandha tiġi varata fit-22 ta' Ġunju 2015.
2. F'konformità mal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/778, il-Kunsill għandu jivvaluta jekk ġewx sodisfatti l-kondizzjonijiet għat-tranżizzjoni sussegwenti għall-ewwel fażi tal-operazzjoni, b'kont meħud ta' kwalunkwe Riżoluzzjoni applikabbli tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-kunsens mogħti mill-Istati kostali kkonċernati. Soġġett għal tali kunsens mill-Kunsill, u f'konformità mal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/778, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi meta ssir it-tranżizzjoni bejn il-fażijiet differenti tal-operazzjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta' Ġunju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI