|
20.6.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 156/21 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ (PESK) 2015/956
tas-17 ta' Ġunju 2015
dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) (EUAM Ukraine/1/2015)
IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat-22 ta' Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2014/486/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (“KPS”) sabiex jieħu deċiżjonijiet rilevanti għall-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kontributuri (“KtK”) għall-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine). |
|
(2) |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Göteborg tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001 stabbilixxew prinċipji gwida u arranġamenti għall-kontributi minn Stati terzi għall-missjonijiet tal-pulizija. Fl-10 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill approva d-dokument intitolat “Konsultazzjonijiet u Modalitajiet għall-Kontribut ta' Stati mhux fl-UE għall-operazzjonijiet ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet” li kompla jiżviluppa l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi fl-operazzjonijiet ċivili ta' maniġġar ta' kriżijiet, inkluż l-istabbiliment ta' KtK. |
|
(3) |
Il-KtK għandu jkun forum għad-diskussjoni tal-problemi kollha relatati mal-ġestjoni ta' EUAM Ukraine mal-Istati terzi li jikkontribwixxu. Il-KPS, li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' EUAM Ukraine, għandu jieħu kont tal-fehmiet espressi mill-KtK, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment u termini ta' referenza
1. B'dan huwa stabbilit Kumitat ta' Kontributuri (“KtK”) għall-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine).
2. It-termini ta' referenza tal-KtK huma stabbiliti fid-dokument intitolat “Konsultazzjonijiet u Modalitajiet għall-Kontribut ta' Stati mhux fl-UE għall-operazzjonijiet ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet”.
Artikolu 2
Kompożizzjoni
1. Il-KtK għandu jkun kompost mill-membri li ġejjin:
|
— |
rappreżentanti tal-Istati Membri kollha; u |
|
— |
rappreżentanti ta' Stati terzi li jipparteċipaw fil-missjoni u li jipprovdu kontributi. |
2. Rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jista' wkoll jattendi għal-laqgħat tal-KtK.
Artikolu 3
Informazzjoni mill-Kap tal-Missjoni
Il-KtK għandu jirċievi regolarment informazzjoni mill-Kap tal-Missjoni.
Artikolu 4
Presidenza
Il-KtK għandu jkun ippresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha.
Artikolu 5
Laqgħat
1. Il-laqgħat tal-KtK għandhom jitlaqqgħu mill-President fuq bażi regolari. Meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan, jistgħu jissejħu laqgħat ta' emerġenza fuq inizjattiva tal-President, jew fuq talba ta' membru.
2. Il-President għandu jiċċirkola minn qabel aġenda proviżorja u dokumenti relatati mal-laqgħa. Il-President għandu jkun responsabbli biex iwassal lill-KPS l-eżitu tad-diskussjonijiet tal-KtK.
Artikolu 6
Kunfidenzjalità
1. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2), ir-regoli ta' sigurtà stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għal-laqgħat u l-proċedimenti tal-KtK. B'mod partikolari, ir-rappreżentanti fil-KtK għandhom ikunu fil-pussess ta' awtorizzazzjoni adegwata ta' sigurtà.
2. Id-deliberazzjonijiet fil-KtK għandhom ikunu koperti bl-obbligu ta' segretezza professjonali, sakemm il-KtK ma jiddeċidix unanimament mod ieħor.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Ġunju 2015.
Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà
Il-President
W. STEVENS
(1) ĠU L 217, 23.7.2014, p. 42.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).