17.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/19


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/926

tas-16 ta' Marzu 2015

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta' rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Tuneżija (2013–2017) li jimplimenta s-sħubija privileġġjata

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218, il-paragrafu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”), ġie ffirmat fis-17 ta' Lulju 1995 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998.

(2)

Il-partijiet beħsiebhom japprovaw il-Pjan ta' Azzjoni UE-Tuneżija l-ġdid (2013-2017) li jimplimenta s-sħubija privileġġjata (il-“Pjan ta' Azzjoni”) fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Dan il-Pjan ta' Azzjoni jirrifletti s-sħubija speċjali bejn iż-żewġ partijiet u għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Ftehim permezz tat-tfassil u l-adozzjoni ta' miżuri konkreti maħsuba biex jintlaħqu l-għanijiet li jistipula.

(3)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz tar-Rakkomandazzjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni hija bbażata fuq l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.


ABBOZZ TA'

RAKKOMANDAZZJONI Nru 2015/… TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-TUNEŻIJA

ta' …

dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Tuneżija (2013-2017) li jimplimenta s-sħubija privileġġjata fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-TUNEŻIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 80 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 80 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa, għall-iskop li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim.

(2)

B'mod konformi mal-Artikolu 90 tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim u għandhom jaraw li l-għanijiet stipulati fil-Ftehim jintlaħqu.

(3)

Il-Partijiet approvaw it-test tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Tuneżija (2013-2017) li jimplimenta s-sħubija privileġġjata (il-“Pjan ta' Azzjoni”) fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

(4)

Dan il-Pjan ta' Azzjoni għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Ftehim permezz tat-tfassil u l-adozzjoni, bi qbil bejn il-partijiet, ta' miżuri konkreti li jipprovdu gwida prattika għal din l-implimentazzjoni.

(5)

Il-Pjan ta' Azzjoni għandu l-għan, min-naħa li jippreżenta miżuri konkreti għat-twettiq, mill-partijiet, tal-obbligi li huma għandhom skont il-Ftehim u min-naħa oħra li jipprovdi qafas aktar wiesa' għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, sabiex jintlaħaq livell għoli ta' integrazzjoni ekonomika u approfondiment tal-koperazzjoni politika, b'mod konformi mal-għanijiet ġenerali tal-Ftehim,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Artikolu Uniku

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jirrakkomanda li l-partijiet jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni (2), sakemm din l-implimentazzjoni jkollha l-mira li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim.

Magħmul fi …,

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni

Il-President


(1)  ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.

(2)  Ara d-dokument st 15164/14 ADD 1, p. 5, fuq http://register.consilium.europa.eu.