11.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/890

tat-8 ta' Ġunju 2015

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, rigward emenda fl-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE (Ikel ġdid)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, inter alia, l-Anness II għall-Ftehim ŻEE.

(3)

L-Anness II tal-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet u arranġamenti speċifiċi dwar regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (4) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(6)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 97/618/KE (5) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(7)

L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jemenda r-Regolament (KE) Nru 258/97 u għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(8)

Għalhekk, l-Anness II tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(9)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni li jinsab mehmuż.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REIZNIECE-OZOLA


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 tal-20 ta' Settembru 2001 li jistabbilixxi regoli ddettaljati biex ċerta informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għall-protezzjoni tal-informazzjoni mressqa skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 258/97(ĠU L 253, 21.9.2001, p. 17).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 97/618/KE tad-29 ta' Lulju 1997 dwar l-aspetti xjentifiċi u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni neċessarja sabiex tappoġġja applikazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' ikel ġdid u ingredjenti ta' ikel ġdid u l-preparazzjoni ta' rapporti inizjali ta' valutazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 253, 16.9.1997, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/2015

ta' …

li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 tal-20 ta' Settembru 2001 li jistabbilixxi regoli ddettaljati biex ċerta informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għall-protezzjoni tal-informazzjoni mressqa skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 258/97 (2) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(3)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 97/618/KE tad-29 ta' Lulju 1997 dwar l-aspetti xjentifiċi u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni neċessarja sabiex tappoġġja applikazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' ikel ġdid u ingredjenti ta' ikel ġdid u l-preparazzjoni ta' rapporti inizjali ta' valutazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(4)

L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (4) jemenda r-Regolament (KE) Nru 258/97 u għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(5)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-leġiżlazzjoni marbuta mal-prodotti tal-ikel. Il-leġiżlazzjoni dwar l-oġġetti tal-ikel ma tapplikax għal-Liechtenstein sakemm l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ ta' prodotti agrikoli tkun estiża għal-Liechtenstein, kif speċifikat fl-introduzzjoni tal-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal-Liechtenstein.

(6)

Għalhekk, l-Anness II tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Dan li ġej jiżdied wara l-punt 97 (ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“98.

31997 R 0258: Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.) kif emendat minn:

32003 R 1829: Ir-Regolament (KE) No 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1),

32008 R 1332: Ir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 7).

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

Dan li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 7:

‘Meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni, l-Istati tal-EFTA, fl-istess ħin u fi żmien 30 jum mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, jieħdu d-deċiżjonijiet korrispondenti. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiġi infurmat u minn żmien għal żmien jippubblika l-listi ta' dawn id-deċiżjonijiet fis-Suppliment taż-ŻEE tal-Ġurnal Ufficjali.

Jekk ikun hemm xi nuqqas ta' ftehim bejn il-partijiet kontraenti dwar l-amministrazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet, il-Parti VII tal-Ftehim għandha tapplika mutatis mutandis.’

99.

32001 R 1852: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 tal-20 ta' Settembru 2001 li jistabbilixxi regoli ddettaljati biex ċerta informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għall-protezzjoni tal-informazzjoni mressqa skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 258/97 (ĠU L 253, 21.9.2001, p. 17).”

2.

Taħt l-intestatura “ATTI LI JRIDU JIĠU KKUNSIDRATI MILL-ISTATI TAL-EFTA U MILL-AWTORITÀ TAS-SORVELJANZA TAL-EFTA” jiżdied il-punt li ġej wara l-punt 16 (ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/647/UE):

“17.

31997 H 0618: Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 97/618/KE tad-29 ta' Lulju 1997 dwar l-aspetti xjentifiċi u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni neċessarja sabiex tappoġġja applikazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' ikel ġdid u ingredjenti ta' ikel ġdid u l-preparazzjoni ta' rapporti inizjali ta' valutazzjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 253, 16.9.1997, p. 1).”

Artikolu 2

It-testi tar-Regolamenti (KE) Nru 258/97, (KE) Nru 1852/2001, u (KE) Nru 1829/2003 u tar-Rakkomandazzjoni 97/618/KE fl-ilsien Islandiż u dak Norveġiż, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Supplement taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-…, dment li n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ikunu saru lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (*).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussel, …

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 253, 21.9.2001, p. 17.

(3)  ĠU L 253, 16.9.1997, p. 1.

(4)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1

(*)  [L-ebda obbligu kostituzzjonali ma huwa indikat.] [Obbligi kostituzzjonali huma indikati.]