10.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/17


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/887

tad-9 ta' Ġunju 2015

dwar ir-rikonoxximent tal-iskema “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà skont id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/427/UE

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7d(6) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(6) tagħha,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u l-Bijolikwidi,

Billi:

(1)

Id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE it-tnejn li huma jistipulaw il-kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijofjuwils. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7b, 7c u tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE huma simili għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17 u 18 u tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

(2)

Meta jrid jittieħed kont tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-operaturi ekonomiċi juru li l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jikkonformaw mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

(3)

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li skema volontarja nazzjonali jew internazzjonali turi li l-kunsinni tal-bijofjuwil jikkonformaw mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE jew li skema volontarja nazzjonali jew internazzjonali biex jitkejjel kemm qed jiġu ffrankati emissjonijiet tal-gassijiet serra irid jibda jkun fiha dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) ta' din id-Direttiva.

(4)

Meta operatur ekonomiku jagħti provi jew jipprovdi dejta miksuba skont skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert bid-deċiżjoni ta' rikonoxximent, Stat Membru ma għandux għalfejn jitlob li l-fornitur jipprovdi aktar evidenza ta' konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà.

(5)

L-iskema “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited” ġiet rikonoxxuta bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/427/UE (3) għal lista speċifika ta' prodotti agrikoli. Fit-30 ta' Ġunju 2014, l-iskema ressqet it-talba tagħha lill-Kummissjoni biex din tirrikonoxxiha fil-każ ta' lista akbar ta' prodotti agrikoli. L-iskema aġġornata tkopri ċ-ċereali u ż-żrieragħ taż-żejt kollha manifatturati fit-Tramuntana tal-Gran Brittanja sal-ewwel punt ta' wasla ta' dawn il-prodotti agrikoli. Ladarba tiġi rrikonoxxuta, l-iskema se tkun disponibbli fil-pjattaforma ta' trasparenza stabbilita skont id-Direttiva 2009/28/KE.

(6)

Valutazzjoni tal-iskema “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited” sabet li din tkopri b'mod adegwat il-kriterji ta' sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Artikolu 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE, kif ukoll li din tapplika, sal-ewwel punt fejn jiġu kkunsinnati ta' dawn il-prodotti agrikoli, metodoloġija ta' bilanċ tal-massa li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE. L-iskema tipprovdi dejta preċiża dwar żewġ elementi neċessarji għall-finijiet tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE u tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, jiġifieri ż-żona ġeografika li minnha jkunu ġejjin il-prodotti agrikoli u l-emissjonijiet, fuq bażi annwali, li jkunu ġejjin minn bidliet fl-istokk tal-karbonju kkawżati minn bidla fl-użu tal-art. Perċentwali żgħir ta' membri tal-iskema ma jkoprux il-kriterji ta' sostenibbiltà għal parti mill-art tagħhom. L-iskema tindika l-istat ta' konformità sħiħa jew parzjali tal-art tal-membri tagħha fid-database għall-iċċekkjar tal-membri tagħha li tinsab onlajn u turi l-konformità tal-kunsinni mal-kriterji ta' sostenibbiltà fuq il-passaport imsejjaħ “Scottish Quality Crops”.

(7)

L-evalwazzjoni tal-iskema “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited” sabet li din tissodisfa standards adegwati ta' affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti.

(8)

Din id-Deċiżjoni ma tqis ebda element ta' sostenibbiltà ieħor kopert bl-iskema “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited”. Dawn l-elementi addizzjonali ta' sostenibbiltà mhumiex obbligatorji biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti ta' sostenibbiltà previsti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE.

(9)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/427/UE li tirrikonoxxi l-iskema għal firxa aktar limitat ta' uċuħ tar-raba' għandha għalhekk titħassar.

(10)

Il-miżuri li hemm dispożizzjoni dwarhom f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti u tal-Bijolikwidi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema volontarja “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited”, (minn issa 'l quddiem “l-iskema”), li tressqet quddiem il-Kummissjoni fit-30 ta' Ġunju 2014 biex tiġi rikonoxxuta fil-każ ta' lista estiża tal-prodotti agrikoli, permezz tal-passaport tagħha msejjaħ “Scottish Quality Crops passport” turi li l-kunsinni tal-materja prima jkunu jikkonformaw mal-kriterji ta' sostenibbiltà stipulati fl-Artikoli 17(3), 17(4) u 17(5) tad-Direttiva 2009/28/KE u fl-Artikoli 7b(3), 7b(4) u 7b(5) tad-Direttiva 98/70/KE.

Din l-iskema fiha dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE f'dak li għandu x'jaqsam mal-emissjonijiet, fuq bażi annwali, li jkunu ġejjin minn bidliet fl-istokk tal-karbonju kkawżati minn bidla fl-użu tal-art (e l ), imsemmija fil-punt 1 tal-parti C tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fil-punt 1 tal-parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE, li l-iskema turi li huma ekwivalenti għal żero, u maż-żona ġeografika msemmija fil-punt 6 tal-parti C tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fil-punt 6 tal-parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

L-iskema tista' tintuża sal-ewwel punt tal-kunsinna, għall-kunsinni kkonċernati, biex tintwera l-konformità mal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni hija valida għal perjodu ta' ħames snin wara li tidħol fis-seħħ. Jekk wara li tiġi adottata din id-Deċiżjoni isir xi tibdil fil-kontenut tal-iskema b'tali mod li dan jista' jaffettwa l-bażi ta' din id-Deċiżjoni, dan it-tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-tibdil innotifikat bil-għan li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri b'mod adegwat il-kriterji ta' sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet irrikonoxxuta jew le.

Il-Kummissjoni tista' tirrevoka din id-Deċiżjoni jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi meqjusa bħala deċiżivi għal din id-Deċiżjoni u jekk ikun twettaq ksur serju u strutturali ta' dawk l-elementi.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/427/UE hija mħassra.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

(2)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/427/UE tal-24 ta' Lulju 2012 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema msejħa “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 198, 25.7.2012, p. 17).