|
3.6.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 136/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/860
tas-26 ta' Mejju 2015
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jipprovdi miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul mit-tfaddil taħt forma ta' ħlas ta' imgħaxijiet
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 115, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fl-14 ta' Mejju 2013 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tagħti bidu lin-negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera biex temenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax (1), sabiex dak il-Ftehim jiġi allinjat mal-iżviluppi reċenti fil-livell globali fejn ġie miftiehem li l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni jiġi promoss bħala standard internazzjonali. |
|
(2) |
It-test tal-Protokoll Emendatorju, li huwa r-riżultat tan-negozjati, jirrifletti b'mod korrett id-direttivi tan-negozjati maħruġa mill-Kunsill, billi jallinja l-Ftehim mal-aktar żviluppi reċenti fil-livell internazzjonali rigward l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, jiġifieri l-Istandard Globali għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji fi kwistjonijiet tat-taxxa żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). L-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Konfederazzjoni Żvizzera pparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tal-OECD. It-test tal-Ftehim, kif emendat bil-Protokoll Emendatorju, huwa l-bażi legali għall-implimentazzjoni tal-Istandard Globali fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Żvizzera. |
|
(3) |
Għalhekk, il-Protokoll Emendatorju għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jipprovdi miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul mit-tfaddil taħt forma ta' ħlas ta' imgħaxijiet huwa b'dan awtorizzat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni ta' dak il-Protokoll Emendatorju. (2)
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina lill-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll Emendatorju f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Mejju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(1) ĠU L 385, 29.12.2004, p. 30.
(2) It-test tal-Protokoll Emendatorju ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.