22.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 127/20


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/799

tat-18 ta' Mejju 2015

li tawtorizza lill-Istati Membri biex isiru parti, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Persunal tal-Bastimenti tas-Sajd, tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 46, l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 flimkien mal-punt (a)(v) tal-Artikolu 218(6) tiegħu u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Persunal tal-Bastimenti tas-Sajd (“il-Konvenzjoni”) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) ġiet adottata fis-7 ta' Lulju 1995 fil-Konferenza Internazzjonali mlaqqgħa mill-OMI f'Londra.

(2)

Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Settembru 2012.

(3)

Il-Konvenzjoni tirrappreżenta kontribut sinifikanti għas-settur tas-sajd fil-livell internazzjonali billi tippromwovi s-sikurezza tal-ħajja u l-proprjetà fuq il-baħar, billi tikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu. Huwa għaldaqstant mixtieq li d-dispożizzjonijiet tagħha jiġu implimentati kemm jista' jkun malajr.

(4)

Is-sajd fuq il-baħar huwa wieħed mill-iktar professjonijiet perikolużi, għalhekk it-taħriġ u l-kwalifiki adatti huma mezz essenzjali biex jitnaqqas in-numru ta' inċidenti. L-imbarkazzjoni tal-persunal abbord bastimenti tas-sajd tal-Istati Membri fi kwalunkwe każ għandu jsir mingħajr preġudizzju għas-sikurezza marittima.

(5)

Fil-qafas tal-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (“il-Ftehimiet”) ma' pajjiżi terzi, huwa importanti li l-persunal abbord bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru jkollhom kwalifiki professjonali konfermati b'ċertifikati aċċettati mill-Istat tal-bandiera,sabiex ikun possibbli r-reklutaġġ skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehimiet. L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jevitaw nuqqas ta' qbil bejn id-dritt internazzjonali u tal-Unjoni, inkluż kwalunkwe impatt negattiv possibbli fuq il-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet, meta japplikaw il-Konvenzjoni. Barra minn hekk, il-pajjiżi terzi rilevanti għandhom ikunu inkoraġġuti biex isiru partijiet għall-Konvenzjoni.

(6)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jippromwovu s-sikurezza fuq il-baħar u s-sikurezza fuq ix-xogħol kif ukoll it-titjib tal-kwalifiki professjonali tal-persunal abbord bastimenti tas-sajd. L-Unjoni tappoġġa finanzjarjament it-taħriġ fis-settur tas-sajd, b'mod partikulari permezz tal-Fond Ewropew għas-Sajd u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

(7)

Il-Kapitolu I tar-Regolament 7 tal-Anness għall-Konvenzjoni jaqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni f'dak li għandhom x'jaqsam ir-regoli tal-Unjoni dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali miksuba minn ċerti kategoriji tal-persunal tal-bastimenti tas-sajd u jaffettwa dispożizzjonijiet tat-Trattat u liġi sekondarja tal-Unjoni, b'mod partikolari d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), safejn huma kkonċernati ċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom iċ-ċertifikati rilevanti maħruġa minn Stat Membru jew minn pajjiż terz.

(8)

L-Unjoni ma tistax issir parti għall-Konvenzjoni, minħabba li Stati biss jistgħu jkunu partijiet għaliha.

(9)

Xi Stati Membri għadhom ma sarux parti għall-Konvenzjoni, filwaqt li oħrajn diġà saru parti. Dawk l-Istati Membri li għandhom bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom, portijiet li jirċievu bastimenti tas-sajd li jbaħħru li jaqgħu fl-ambitu tal-Konvenzjoni, jew istituzzjonijiet ta' taħriġ tal-persunal tal-bastimenti tas-sajd, u li għadhom ma sarux parti għall-Konvenzjoni, huma mistiedna jagħmlu dan.

(10)

Sakemm l-Istati Membri kollha li għandhom bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom, portijiet li jirċievu bastimenti tas-sajd li jbaħħru li jaqgħu fl-ambitu tal-Konvenzjoni, jew istituzzjonijiet ta' taħriġ għall-persunal tal-bastimenti tas-sajd isiru parti għall-Konvenzjoni, kull Stat Membru parti għall-Konvenzjoni għandu japplika l-flessibbiltà prevista mill-Konvenzjoni biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà legali mal-liġi tal-Unjoni, partikolarment id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I tar-Regolament 10 tal-Anness għall-Konvenzjoni dwar ekwivalenzi, biex tkun allinjata l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni mad-Direttiva 2005/36/KE.

(11)

Meta jkun qed jirrikonoxxi l-kwalifiki professjonali f'konformità mad-Direttiva 2005/36/KE ta' ħaddiema migranti minn Stati Membri mhux parti għall-Konvenzjoni, kull Stat Membru parti għall-Konvenzjoni għandu jiżgura li l-kwalifiki professjonali tal-ħaddiema konċernati jkunu ġew ivvalutati u nstabu li huma konformi mal-istandards minimi stabbiliti mill-Konvenzjoni.

(12)

F'konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill għandu għalhekk jawtorizza lill-Istati Membri biex isiru parti għall-Konvenzjoni, fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati jsiru parti għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Persunal tal-Bastimenti tas-Sajd tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, adottata fis-7 ta' Lulju 1995, fir-rigward ta' dawk il-partijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

L-Istati Membri, meta jirrapportaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni, għandhom, fejn adatt, b'referenza għall-Kapitolu I tar-Regolament 10 tal-Anness għall-Konvenzjoni, jipprovdu informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti fir-rigward tar-rikonoxximent ta' ċertifikati tal-kompetenzi tal-persunal abbord bastimenti tas-sajd koperti mill-Konvenzjoni, filwaqt li jieħdu kont tal-obbligi stipulati fil-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki.

Artikolu 2

L-Istati Membri li għandhom bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom, portijiet li jirċievu bastimenti tas-sajd li jbaħħru li jaqgħu fl-ambitu tal-Konvenzjoni jew istituzzjonijiet tat-taħriġ tal-persunal tal-bastimenti tas-sajd, u li għadhom ma sarux parti għall-Konvenzjoni, għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali lis-Segretarju Ġenerali tal-OMI fi żmien raġonevoli u, jekk possibbli, sat-23 ta' Mejju 2017. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill li jirrevedi l-progress tal-adeżjoni sat-23 ta' Mejju 2018.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

M. SEILE


(1)  Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).