22.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 127/19


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/798

tal-11 ta' Mejju 2015

li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tinnegozja, f'isem l-Unjoni Ewropea, emendi għall-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-Protezzjoni tas-Saff tal-Ożonu u l-Protokoll ta' Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi jeħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tinnegozja, f'isem l-Unjoni, emendi għall-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-Protezzjoni tas-Saff tal-Ożonu (1) u l-Protokoll ta' Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu (2),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b'dan awtorizzata tinnegozja, f'isem l-Unjoni, fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni u li fir-rigward tagħhom l-Unjoni adottat regoli, emendi għall-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-Protezzjoni tas-Saff tal-Ożonu u l-Protokoll ta' Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu fil-Konferenzi tal-Partijiet għal dik il-Konvenzjoni u fil-Laqgħat tal-Partijiet għal dak il-Protokoll fl-2015 u l-2016.

Artikolu 2

1.   In-negozjati għandhom isiru mill-Kummissjoni f'konsultazzjoni mal-kumitat speċjali magħżul mill-Kunsill, u f'konformità mad-direttivi ta' negozjar tal-Kunsill li jinsabu fl-Addendum ma' din id-Deċiżjoni.

2.   Il-Kunsill jista' jirrivedi dawk id-direttivi ta' negozjar fi kwalunkwe mument. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-eżitu tan-negozjati wara kull sessjoni ta' negozjar u, fejn xieraq, dwar kull problema li tista' tinħoloq matul in-negozjati.

Artikolu 3

Sa fejn is-suġġett tal-emendi msemmijin fl-Artikolu 1 jaqa' fi ħdan il-kompetenza komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess ta' negozjar, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. DŪKLAVS


(1)  ĠU L 297, 31.10.1988, p. 10.

(2)  ĠU L 297, 31.10.1988, p. 21.