5.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 114/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/715

tat-30 ta' April 2015

li temenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/490/UE (2) emendat il-proċeduri għall-amministrazzjoni tal-konġestjoni u r-rekwiżiti ta' trasparenza stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 bil-ħsieb li jiġu implimentati regoli Ewropej għall-amministrazzjoni tal-konġestjoni armonizzati.

(2)

Fil-proċess tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2012/490/UE ħarġu inkonsistenzi fir-rigward tad-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Aġenzija dwar il-monitoraġġ tal-konġestjoni fil-punti ta' interkonnessjoni u tad-data tal-pubblikazzjoni tad-dejta tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. Sabiex l-Aġenzija tingħata d-dejta meħtieġa biex tissodisfa r-rwol ta' monitoraġġ tagħha li jinħtieġ għall-implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjoni 2012/490/UE, jinħtieġ li jinbidlu l-orizzont tal-pubblikazzjoni tad-dejta mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u d-data meta l-Aġenzija għandha tippubblika r-rapport.

(3)

Għalhekk, l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/490/UE tal-24 ta' Awwissu 2012 dwar l-emenda għall-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali (ĠU L 231, 28.8.2012, p. 16).

(3)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass u li temenda d-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-punt 2.2.1 (2) jinbidel bit-test li ġej:

“(2)

Abbażi tal-informazzjoni ppubblikata mill-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni skont it-Taqsima 3 ta' dan l-Anness u, fejn xieraq, ivvalidata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-Aġenzija għandha tippubblika sal-1 ta' Ġunju ta' kull sena, b'bidu mis-sena 2015, rapport ta' monitoraġġ dwar il-konġestjoni fil-punti ta' interkonnessjoni fir-rigward tal-prodotti ta' kapaċità kostanti li jkunu nbiegħu fis-sena ta' qabel filwaqt li tqis, safejn possibbli, in-negozjar ta' kapaċità fis-suq sekondarju u l-użu ta' kapaċità interrompibbli.”

(2)

Il-punt 3.3 (2) jinbidel bit-test li ġej:

“(2)

Fil-punti rilevanti kollha, l-informazzjoni skont il-paragrafu 3.3(1)(a), (b) u (d) għandha tiġi ppubblikata għal perjodu ta' mill-inqas 24-il xahar bil-quddiem.”