1.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/48


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/709

tal-21 ta' April 2015

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 għad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 3 għad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli (1), jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva (il-“Protokoll 3”).

(2)

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (2) (il-“Konvenzjoni”) tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont il-ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti.

(3)

L-Unjoni u t-Turkija ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u fl-4 ta' Novembru 2011 rispettivament.

(4)

L-Unjoni u t-Turkija ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fl-4 ta' Diċembru 2013 rispettivament. B'konsegwenza ta' dan, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni u tat-Turkija fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Frar 2014 rispettivament.

(5)

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jistipula li kull Parti Kontraenti għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dak il-għan, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija għandu jadotta deċiżjoni li tissostitwixxi l-Protokoll 3 bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni.

(6)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija għandha għaldaqstant tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 għad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija jistgħu jaqblu dwar tibdil minuri fl-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Id-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija għandha tiġi ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta' April 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. RINKĒVIČS


(1)  ĠU L 86, 20.3.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru … TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-TURKIJA

ta'

li tissostitwixxi l-Protokoll 3 għad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

Il-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-Turkija,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll 3 għad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli jirreferi għall-Protokoll 3 għal dik id-Deċiżjoni (il-“Protokoll 3”) li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini u jipprovdi għall-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni, it-Turkija u Partijiet Kontraenti oħrajn għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (2) (il-“Konvenzjoni”).

(2)

L-Artikolu 39 tal-Protokoll 3 jipprevedi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dak il-Protokoll.

(3)

Il-Konvenzjoni għandha l-għan li tissostitwixxi l-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini attwalment fis-seħħ fost il-pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja b'att legali wieħed.

(4)

L-Unjoni u t-Turkija ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u fl-4 ta' Novembru 2011 rispettivament.

(5)

L-Unjoni u t-Turkija ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fl-4 ta' Diċembru 2013 rispettivament. B'konsegwenza ta' dan, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni u tat-Turkija fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Frar 2014 ripettivament.

(6)

Il-Konvenzjoni inkludiet il-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni fiż-żona Pan-Ewro-Mediterranja tal-akkumulazzjoni tal-oriġini.

(7)

Il-Protokoll 3 għandu għalhekk jiġi sostitwit bi protokoll ġdid li jagħmel referenza għall-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll 3 għad-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar ir-reġim tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva huwa sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Tibda tapplika minn … (*).

Magħmul fi

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija

Il-President


(1)  ĠU L 86, 20.3.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

(*)  Id-data tal-applikazzjoni ser tiġi determinata mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

ANNESS

“Protokoll 3

li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' ‘prodotti oriġinarji’ u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

Artikolu 1

Regoli tal-oriġini applikabbli

1.   Għall-fini tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, (1) (il-‘Konvenzjoni’).

2.   Ir-referenzi kollha għal ‘ftehim rilevanti’ fl-Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II għall-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati li jfissru din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Riżoluzzjoni tat-tilwim

1.   Meta jinqala' xi tilwim fir-rigward tal-proċeduri ta' verifika tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I għall-Konvenzjoni li ma jkunx jista' jiġi riżolut bejn l-awtoritajiet doganali li jitolbu l-verifika u l-awtoritajiet doganali responsabbli għat-twettiq ta' dik il-verifika, it-tilwim għandu jitressaq quddiem il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

2.   Fil-każijiet kollha r-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur għandha ssir skont il-leġiżlazzjoni ta' dak il-pajjiż.

Artikolu 3

Emendi għall-Protokoll

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija jista' jiddeċiedi li jemenda dan il-Protokoll.

Artikolu 4

Irtirar mill-Konvenzjoni

1.   Jekk l-Unjoni Ewropea jew it-Turkija jagħtu avviż bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha, l-Unjoni Ewropea u t-Turkija għandhom immedjatament jidħlu f'negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-iskop tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Sakemm jidħlu fis-seħħ tali regoli tal-oriġini nnegozjati mill-ġdid, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II għall-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument tal-irtirar, jibqgħu japplikaw għal din id-Deċiżjoni. Madankollu, mill-mument tal-irtirar, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II għall-Konvenzjoni, għandhom jiġu interpretati b'mod li jippermetti akkumulazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija biss.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet tranżitorji — akkumulazzjoni

Minkejja l-Artikoli 16(5) u 21(3) tal-Appendiċi I għalal-Konvenzjoni, fejn l-akkumulazzjoni tinvolvi biss l-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-Unjoni Ewropea, it-Turkija u l-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, il-prova tal-oriġini tista' tkun ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini.”


(1)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.