30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/30


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/681

tad-29 ta' April 2015

dwar il-pubblikazzjoni tar-referenzi tal-istandard EN ISO 4210, il-partijiet 1-9, għal roti tal-ibliet u tal-ivvjaġġar fit-tul, roti tal-muntanja u roti għat-tiġrijiet, u tal-istandard EN ISO 8098 għal roti għat-tfal żgħar f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/95/KE jeħtieġ li l-produtturi jqiegħdu biss prodotti sikuri fis-suq.

(2)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, prodott għandu jitqies bħala sikur, safejn għandhom x'jaqsmu r-riskji u l-kategoriji tar-riskji koperti bl-istandards nazzjonali rilevanti, meta jkun konformi mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva.

(3)

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/95/KE, l-istandards Ewropej huma stabbiliti minn organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni skont mandati stipulati mill-Kummissjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, il-Kummissjoni trid tippubblika r-referenzi ta' dawn l-istandards.

(5)

Fid-29 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/786/UE dwar ir-rekwiżiti ta' sigurtà li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għar-roti, ir-roti għat-tfal żgħar, u l-mezzi ta' ġarr fuq ir-rota skont id-Direttiva 2001/95/KE (2).

(6)

Fis-6 ta' Settembru 2012, il-Kummissjoni ħarġet il-mandat M/508 lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni biex ifasslu standards Ewropej biex jindirizzaw ir-riskji ewlenin assoċjati ma' roti, roti għat-tfal żgħar, u mezzi ta' ġarr fuq ir-rota.

(7)

Bi tweġiba għall-mandat tal-Kummissjoni l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni adotta sensiela ta' standards ġodda: EN ISO 4210, il-partijiet 1-9 għal roti tal-ibliet u tal-ivvjaġġar fit-tul, roti tal-muntanja u roti għat-tiġrijiet, u l-istandard EN ISO 8098 għal roti għat-tfal żgħar. Dawn jissostitwixxu l-istandards preċedenti EN 14764:2005, EN 14766:2005 u EN 14781:2005.

(8)

L-istandard Ewropew EN ISO 4210, il-partijiet 1-9 u l-istandard Ewropew EN ISO 8098 jissodisfaw il-mandat M/508 u jikkonformaw mar-rekwiżit ta' sigurtà ġenerali tad-Direttiva 2001/95/KE. Ir-referenzi tagħhom għaldaqstant għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mid-Direttiva 2001/95/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenzi tal-istandards li ġejjin għandhom jiġu ppubblikati fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

(a)

EN ISO 4210-1:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 1: “Termini u Definizzjonijiet”;

(b)

EN ISO 4210-2:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 2: “Rekwiżiti għar-roti tal-ibliet u tal-ivvjaġġar fit-tul, taż-żgħażagħ, tal-muntanja u tat-tlielaq”';

(c)

EN ISO 4210-3:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 3: “Metodi ta' ttestjar komuni”;

(d)

EN ISO 4210-4:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 4: “Metodi ta' ttestjar ta' bbrejkjar”;

(e)

EN ISO 4210-5:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 5: “Metodi ta' ttestjar ta' stering”;

(f)

EN ISO 4210-6:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 6: “Metodi ta' ttestjar tal-frejm u tar-riffieda”;

(g)

EN ISO 4210-7:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 7: “Metodi ta' ttestjar tat-tajers u rimmijiet”;

(h)

EN ISO 4210-8:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 8: “Metodi ta' ttestjar tal-pedali u tas-sistema ta' sewqan”;

(i)

EN ISO 4210-9:2014 “Ċikli — Rekwiżiti ta' sigurtà għar-roti” — Parti 9: “Metodi tas-sarġ u tal-pożizzjoni tas-sedil”;

(j)

EN ISO 8098:2014 “Roti għat-tfal żgħar” — “Rekwiżiti ta' sigurtà u metodi ta' ttestjar”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/786/UE tad-29 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti ta' sigurtà li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għar-roti, ir-roti għat-tfal żgħar, u l-mezzi ta' ġarr fuq ir-rota skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 319, 2.12.2011, p. 106).