|
30.4.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 111/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/674
tal-20 ta' April 2015
dwar l-aċċettazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim emendat għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM, General Fisheries Commission for the Mediterranean) (il-“Ftehim”) kien ġie stabbilit u approvat fil-Ħames Sessjoni tal-Konferenza tal-FAO fl-1949 u daħal fis-seħħ fl-20 ta' Frar 1952. |
|
(2) |
Il-Komunità Ewropea saret Parti Kontraenti għall-GFCM permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 98/416/KE (1) mill-Kunsill. |
|
(3) |
Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea. |
|
(4) |
Fil-15 ta' Novembru 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja, f'isem l-Unjoni, emendi għall-Ftehim dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni. |
|
(5) |
L-Istati Membri u l-Kummissjoni mexxew in-negozjati skont l-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom skont it-termini tal-mandat u f'kooperazzjoni mill-qrib bejniethom. |
|
(6) |
In-negozjati ġew konklużi b'suċċess fil-laqgħa tal-GFCM tad-19 sal-24 ta' Mejju 2014. F'dik il-laqgħa, il-GFCM approva t-test tal-Ftehim emendat. |
|
(7) |
L-iskop tal-emendi fil-Ftehim huwa li jimmodernizzaw il-GFCM u jirrinforzaw ir-rwol tagħha fil-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-qasam tal-kompetenza tagħha. |
|
(8) |
L-objettivi, il-prinċipji ġenerali u l-funzjonijiet tal-GFCM ġew riveduti u mwessgħin biex jiżguraw il-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ambjent tagħhom. |
|
(9) |
Il-Ftehim emendat huwa konformi mal-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni. Għalhekk huwa fl-interess tal-Unjoni li taċċetta l-Ftehim emendat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim emendat li jistabbilixxi l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim emendat huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna mogħtija s-setgħa li tipproċedi, f'isem l-Unjoni, biex tinnotifika lill-FAO dwar l-aċċettazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-Ftehim emendat. (2)
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' April 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
J. DŪKLAVS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/416/KE tas-16 ta' Ġunju 1998 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran (ĠU L 190, 4.7.1998, p. 34).
(2) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim emendat se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.