29.4.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 110/25 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/670
tas-27 ta' April 2015
dwar il-konformità tar-rati unitarji tal-2015 għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013
(notifikata bid-dokument C(2015) 2635)
(It-testi bil-Bulgaru, bl-Ispanjol, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bl-Ungeriż, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Sloven, bil-Finlandiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizz) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 (2) jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru. L-iskema komuni ta' imposti hija element integrali għall-kisba tal-għanijiet tal-iskema ta' prestazzjoni kif stabbilita mill-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 (4). |
(2) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE (5) tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni għall-UE kollha kemm hi, fosthom il-mira tal-kosteffikaċja tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru waqt li dawn ikunu fir-rotta, espressa f'kosti unitarji determinati għall-forniment ta' dawn is-servizzi, għat-tieni perjodu ta' referenza li jkopri u jinkludi s-snin mill-2015 sal-2019. |
(3) |
L-Artikolu 17(1)(b) u (c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 jistipula li l-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rati unitarji tal-2015 għaż-żoni tal-imposti ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sal-1 ta' Ġunju 2014 bi qbil mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u (2) ta' dak ir-Regolament. Dik il-valutazzjoni tikkonċerna l-konformità ta' dawk ir-rati unitarji mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013. |
(4) |
Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha tar-rati unitarji bl-għajnuna tal-Korp ta' Valutazzjoni tal-Prestazzjoni, inkarigat biex jgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta' prestazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, u bl-għajnuna tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotot tal-Eurocontrol, permezz tad-dejta u tal-informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Istati membri sal-1 ta' Ġunju 2014, u tal-informazzjoni rilevanti li ngħatat fil-pjanijiet tal-prestazzjoni. Il-valutazzjoni qieset ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija u l-korrezzjonijiet li saru qabel il-laqgħa konsultattiva dwar ir-rati unitarji tal-2015 għas-servizzi fir-rotta, li saret fil-25 u fis-26 ta' Ġunju 2014 b'applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, u qieset ukoll il-korrezzjonijiet tar-rati unitarji li għamlu l-Istati Membri wara li saru komunikazzjonijiet sussegwenti bejn il-Kummissjoni, il-Korp ta' Valutazzjoni tal-Prestazzjoni u l-Istati Membri kkonċernati. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tar-rati unitarji tal-2015 issejset fuq ir-rapport tal-Korp ta' Valutazzjoni tal-Prestazzjoni dwar il-pjanijiet ta' prestazzjoni għat-tieni perjodu ta' referenza, li tressaq lill-Kummissjoni fis-7 ta' Ottubru 2014 u li sussegwentement ġie aġġornat fil-15 ta' Diċembru 2014. |
(5) |
Abbażi ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni, bi qbil mal-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, sabet li r-rati unitarji tal-2015 għaż-żoni tal-imposti mressqa mir-Renju Unit, mill-Irlanda, mill-Bulgarija, mir-Rumanija, minn Ċipru, mill-Greċja, minn Malta, mill-Kroazja, mir-Repubblika Ċeka, mis-Slovenja, mill-Ungerija, mill-Polonja, mil-Litwanja, mid-Danimarka, mill-Iżvezja, mill-Estonja, mill-Finlandja, mil-Latvja, mill-Portugall u minn Spanja jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013. |
(6) |
Skont l-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiġu avżati dwar din is-sejba. |
(7) |
Is-sejba u l-avviż li r-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 huma mingħajr ħsara għall-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004. |
(8) |
Billi l-pjanijiet tal-prestazzjoni finali għat-tieni perjodu ta' referenza ma ġewx adottati qabel l-1 ta' Novembru 2014, ta' min ifakkar li, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw mill-ġdid ir-rati unitarji taż-żoni tal-imposti għall-2015 fejn hemm bżonn abbażi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni finali adottati, u li japplikaw dawn ir-rati kkalkulati mill-ġdid kemm jista' jkun malajr fl-2015 u li jirriportaw kull differenza li jkun hemm minħabba l-applikazzjoni temporanja tar-rati unitarji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni fil-kalkolu tar-rati unitarji għall-2016. |
(9) |
Il-Kumitat dwar Ajru Uniku ma ressaqx opinjoni. Inħasset il-ħtieġa ta' att ta' implimentazzjoni u l-President ressaq l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni lill-kumitat tal-appell għal aktar diskussjoni. Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat tal-appell, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-rati unitarji tal-2015 għaż-żoni tal-imposti stabbiliti fl-Anness jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Estonja, lill-Irlanda, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta' Spanja, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika ta' Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta' Malta, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika tal-Finlandja, lir-Renju tal-Iżvezja u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta' April 2015.
Għall-Kummissjoni
Violeta BULC
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 31).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 196, 31.3.2004, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE tal-11 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-livelli limiti ta' twissija għat-tieni perjodu ta' referenza mill-2015 sal-2019 (ĠU L 71, 12.3.2014, p. 20).
ANNESS
|
Żona tal-imposti |
Ir-rata unitarja tar-rotta tal-2015 fil-munita nazzjonali (1) (Kodiċi ISO) |
1 |
Il-Bulgarija |
60,40 BGN |
2 |
Il-Kroazja |
351,00 HRK |
3 |
Ċipru |
36,91 EUR |
4 |
Ir-Repubblika Ċeka |
1 204,05 CZK |
5 |
Id-Danimarka |
471,12 DKK |
6 |
L-Estonja |
31,10 EUR |
7 |
Il-Finlandja |
56,23 EUR |
8 |
Il-Greċja |
38,38 EUR |
9 |
L-Ungerija |
11 197,73 HUF |
10 |
L-Irlanda |
29,60 EUR |
11 |
Il-Latvja |
27,58 EUR |
12 |
Il-Litwanja |
46,82 EUR |
13 |
Malta |
22,33 EUR |
14 |
Il-Polonja |
143,89 PLN |
15 |
Il-Portugall — Lisbona |
37,13 EUR |
16 |
Ir-Rumanija |
164,60 RON |
17 |
Is-Slovenja |
68,36 EUR |
18 |
Spanja — il-Canarias |
58,36 EUR |
19 |
Spanja — Kontinentali |
71,69 EUR |
20 |
L-Iżvezja |
609,06 SEK |
21 |
Ir-Renju Unit |
73,11 GBP |
(1) Dawn ir-rati unitarji ma jinkludux ir-rata unitarja amministrattiva msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 u li tapplika għal dawk l-Istati li huma firmatarji tal-Ftehim Multilaterali tal-Eurocontrol dwar l-imposti tar-rotot.