29.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/11


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ (PESK) 2015/664

tal-21 ta' April 2015

dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) (EUMAM RCA/1/2015)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/78 tad-19 ta' Jannar 2015 dwar Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/78, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għall-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kontributuri (KtK) għall-Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA).

(2)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Nizza tas-7, it-8 u d-9 ta' Diċembru 2000 u dawk ta' Brussell tal-24 u l-25 ta' Ottubru 2002 stipulaw l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi f'operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet u l-istabbiliment ta' KtK.

(3)

Il-KtK għandu jkun forum biex jiġu diskussi mal-Istati terzi li jikkontribwixxu l-problemi kollha li jirrigwardaw il-ġestjoni ta' EUMAM RCA. Il-KPS, li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' EUMAM RCA, għandu jieħu kont tal-fehmiet espressi mill-KtK.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment u termini ta' referenza

B'dan huwa stabbilit Kumitat ta' Kontributuri (KtK) għall-Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA). It-termini ta' referenza tiegħu huma stipulati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Nizza tas-7, it-8 u d-9 ta' Diċembru 2000 u dawk ta' Brussell tal-24 u l-25 ta' Ottubru 2002.

Artikolu 2

Kompożizzjoni

1.   Il-KtK għandu jkun kompost mill-membri li ġejjin:

rappreżentanti tal-Istati Membri kollha,

rappreżentanti ta' Stati terzi li jipparteċipaw fl-EUMAM RCA u li jipprovdu kontributi sinifikanti.

2.   Għal-laqgħat tal-KtK jista' jattendi wkoll rappreżentant tal-Kummissjoni.

Artikolu 3

Informazzjoni mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE

Il-KtK għandu jirċievi informazzjoni mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE tal-EUMAM RCA.

Artikolu 4

Presidenza

Il-KtK għandu jkun ippresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, jew mir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, f'konsultazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea, jew mir-rappreżentant tiegħu jew tagħha.

Artikolu 5

Laqgħat

1.   Il-laqgħat tal-KtK għandhom jiġu msejħa mill-President fuq bażi regolari. Fejn iċ-ċirkostanzi jkunu jeħtieġu, jistgħu jissejħu laqgħat ta' emerġenza fuq inizjattiva tal-President, jew fuq talba ta' membru.

2.   Il-President għandu jiċċirkola minn qabel aġenda provviżorja u d-dokumenti relatati mal-laqgħa. Il-President għandu jkun responsabbli biex iwassal lill-KPS l-eżitu tad-diskussjonijiet tal-KtK.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità

1.   F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2), ir-regoli tas-sigurtà stipulati f'dik id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għal-laqgħat u l-proċedimenti tal-KtK. B'mod partikolari, ir-rappreżentanti fil-KtK għandhom ikunu fil-pussess ta' awtorizzazzjoni adegwata ta' sigurtà.

2.   Id-deliberazzjonijiet tal-KtK għandhom ikunu koperti bl-obbligu tas-segretezza professjonali, sakemm il-KtK ma jiddeċidix unanimament mod ieħor.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' April 2015.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

W. STEVENS


(1)  ĠU L 13, 20.1.2015, p. 8.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).