|
23.4.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 104/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/632
tal-20 ta' April 2015
li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE dwar l-iffissar ta' mira tal-Komunità għal tnaqqis fil-konsum ta' sorsi primarji ta' enerġija fil-każ ta' diffikultajiet fil-provvista ta' żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 79/639/KEE li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fid-Deċiżjoni 77/706/KEE (1) tiegħu, il-Kunsill iddeċieda li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-iffissar ta' mira Komunitarja għal tnaqqis fil-konsum ta' sorsi primarji ta' enerġija fil-każ ta' diffikultajiet fil-provvista ta' żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi. |
|
(2) |
Fid-Deċiżjoni 79/639/KEE tagħha (2), il-Kummissjoni stabbilixxiet regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tad- Deċiżjoni 77/706/KEE. |
|
(3) |
Id-Deċiżjonijiet 77/706/KEE u 79/639/KEE jistabbilixxu proċeduri kumplessi, li jinvolvu piż amministrattiv sinifikanti sew għall-Istati Membri sew għall-Kummissjoni, inklużi diversi obbligi ta' rappurtar. Dawn il-proċeduri għadhom ma sabu ebda applikazzjoni prattika. |
|
(4) |
Fil-każ ta' qtugħ fil-provvista ta' żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi, il-ħażniet ta' emerġenza jistgħu jissostitwixxu l-volumi nieqsa malajr u b'mod effiċjenti, mingħajr ma jfixklu l-attività ekonomika jew ixekklu l-mobilità. Għalhekk, il-ħażniet ta' emerġenza issa huma kkunsidrati bħala l-għodda ta' reazzjoni ewlenija biex tiġi indirizzata interruzzjoni tal-provvista. |
|
(5) |
Barra minn hekk, id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE (3) tistabbilixxi qafas imsaħħaħ għall-ħażniet ta' emerġenza, li jiżgura d-disponibilità u l-aċċessibilità fiżika tagħhom u li jistabbilixxi l-proċeduri għall-użu tagħhom. |
|
(6) |
Id-Direttiva 2009/119/KE teħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ proċeduri li jimponu restrizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi fuq il-konsum, skont in-nuqqasijiet stmati, fost l-oħrajn bl-allokazzjoni tal-prodotti petroliferi lil xi gruppi ta' utenti fuq bażi prijoritarja. |
|
(7) |
Il-Programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni jirrivedi sistematikament l-atti legali tal-Unjoni sabiex jidentifika opportunitajiet għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji. |
|
(8) |
Id-Deċiżjonijiet 77/706/KEE u 79/639/KEE għalhekk għandhom jitħassru, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjonijiet 77/706/KEE u 79/639/KEE huma b'dan imħassra.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' April 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
J. DŪKLAVS
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE tas-7 ta' Novembru 1977 dwar l-iffissar ta' mira tal-Komunità għal tnaqqis fil-konsum ta' sorsi primarji ta' enerġija fil-każ ta' diffikultajiet fil-provvista ta' żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi (ĠU L 292, 16.11.1977, p. 9).
(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 79/639/KEE tal-15 ta' Ġunju 1979 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE (ĠU L 183, 19.7.1979, p. 1).
(3) Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta' Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta' ħażniet ta' żejt mhux maħdum u/jew ta' prodotti petroliferi (ĠU L 265, 9.10.2009, p. 9).