16.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/599

tal-15 ta' April 2015

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani (MEPP)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Ir-riżoluzzjoni tal-konflitt Iżraeljan/Palestinjan hija prijorità strateġika għall-Unjoni u l-Unjoni għandha tibqa' impenjata b'mod attiv sakemm tissolva abbażi tas-soluzzjoni ta' żewġ Stati.

(2)

Jinħtieġ li jinħatar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani (MEPP, Middle East Peace Process) għal perijodu ta' 12-il xahar.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Fernando GENTILINI huwa b'dan maħtur bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani (MEPP) sat-30 ta' April 2016. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jiġi terminat qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u ta' proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi ta' politika

1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni fir-rigward tal-MEPP.

2.   L-objettiv ġenerali huwa paċi komprensiva li għandha tinkiseb abbażi ta' soluzzjoni ta' żewġ Stati, bl-Iżrael u Stat Palestinjan demokratiku, kontigwu, vijabbli, paċifiku u sovran jgħixu maġenb xulxin ġewwa fruntieri siguri u rikonoxxuti, li jgawdu relazzjonijiet normali mal-ġirien tagħhom f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-prinċipji ta' Madrid, inkluża art għall-paċi, il-Pjan Direzzjonali, il-ftehimiet maqbula qabel mill-partijiet, u l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi. Fid-dawl tal-aspetti differenti tar-relazzjonijiet Iżraeljani-Għarab, id-dimensjoni reġjonali tikkostitwixxi element essenzjali għal paċi komprensiva.

3.   Biex jintlaħaq dan l-objettiv, il-prijoritajiet ta' politika huma l-preservazzjoni tas-soluzzjoni ta' żewġ Stati u l-varar mill-ġdid u l-appoġġ għall-proċess ta' paċi. Parametri ċari li jiddefinixxu l-bażi għan-negozjati huma elementi ewlenin għal eżitu b'suċċess u l-Unjoni stabbilixxiet il-pożizzjoni tagħha rigward tali parametri fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2009, Diċembru 2010 u Lulju 2014, li hi ser tkompli tippromwovi b'mod attiv.

4.   L-Unjoni hija impenjata li taħdem mal-partijiet u mas-sħab fil-komunità internazzjonali, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni fil-Kwartett tal-Lvant Nofsani (“il-Kwartett”) u ssegwi b'mod attiv inizjattivi internazzjonali xierqa biex tinħoloq dinamika ġdida għan-negozjati.

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jipprovdi kontribut attiv u effiċjenti mill-Unjoni għal azzjonijiet u inizjattivi li jwasslu għal riżoluzzjoni finali tal-konflitt Iżraeljan/Palestinjan abbażi tas-soluzzjoni ta' żewġ Stati u f'konformità mal-parametri tal-Unjoni;

(b)

jiffaċilita u jżomm kuntatti mill-qrib mal-partijiet kollha tal-proċess ta' paċi, l-atturi politiċi rilevanti, pajjiżi oħra tar-reġjun, il-membri tal-Kwartett u pajjiżi rilevanti oħra, kif ukoll man-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra, bħal-Lega tal-Istati Għarab, sabiex jaħdem magħhom fit-tisħiħ tal-proċess ta' paċi;

(c)

jaħdem kif ikun meħtieġ biex jippromwovi u jikkontribwixxi għal qafas ġdid possibbli ta' negozjati f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha u l-Istati Membri tal-Unjoni;

(d)

jappoġġa u jikkontribwixxi b'mod attiv għal negozjati ta' paċi bejn il-partijiet, anke billi jressaq proposti f'isem l-Unjoni fil-kuntest ta' dawk in-negozjati;

(e)

jiżgura l-preżenza kontinwa tal-Unjoni fil-fora internazzjonali rilevanti;

(f)

jikkontribwixxi għall-maniġġar u l-prevenzjoni ta' kriżijiet, anke fir-rigward ta' Gaża;

(g)

jikkontribwixxi, fejn mitlub, għall-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali milħuqa bejn il-partijiet u jinvolvi ruħu magħhom diplomatikament fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mat-termini ta' dawk il-ftehimiet;

(h)

jikkontribwixxi għal sforzi politiċi biex issir bidla fundamentali li twassal għal soluzzjoni sostenibbli għall-Istrixxa ta' Gaża li hija parti integrali ta' Stat Palestinjan futur u li għandha tiġi indirizzata fin-negozjati;

(i)

jagħti attenzjoni partikolari lil fatturi li jaffettwaw id-dimensjoni reġjonali tal-proċess ta' paċi, lill-involviment mas-sħab Għarab u lill-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi;

(j)

jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv mal-firmatarji ta' ftehimiet fil-qafas tal-proċess ta' paċi sabiex jippromwovi konformità man-normi bażiċi tad-demokrazija, inkluż ir-rispett lejn id-dritt umanitarju internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

(k)

jagħmel proposti għal intervent tal-Unjoni fil-proċess ta' paċi u dwar l-aħjar mod kif jiġu segwiti l-inizjattivi tal-Unjoni u l-isforzi tal-Unjoni relatati mal-proċess ta' paċi attwali, bħall-kontribut tal-Unjoni għar-riformi Palestinjani u inklużi l-aspetti politiċi tal-proġetti rilevanti tal-Unjoni għall-iżvilupp;

(l)

jimpenja lill-partijiet biex joqogħdu lura minn azzjonijiet unilaterali li jheddu l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati;

(m)

jirrapporta, bħala Mibgħut tal-Kwartett, dwar il-progress u l-evoluzzjoni fin-negozjati u jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-laqgħat tal-Mibgħuta tal-Kwartett abbażi tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni u permezz ta' koordinazzjoni ma' membri oħra tal-Kwartett;

(n)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem f'kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni kontrihom, u tal-politika tal-Unjoni rigward ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1325 (2000) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, anke bil-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-iżviluppi kif ukoll bil-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward;

(o)

jikkontribwixxi għal komprensjoni aħjar tar-rwol tal-Unjoni fost l-opinjonisti ewlenin fir-reġjun.

2.   Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tar-RGħ, filwaqt li jżomm ħarsa ġenerali fuq l-attivitajiet kollha tal-Unjoni fir-reġjun relatati mal-MEPP.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

4.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju Rappreżentattiv tal-Unjoni f'Ġerusalemm, mad-delegazzjoni tal-Unjoni f'Tel Aviv, kif ukoll mad-delegazzjonijiet rilevanti l-oħrajn kollha tal-Unjoni fir-reġjun.

5.   Ir-RSUE għandu jkun primarjament ibbażat fir-reġjun waqt li jiżgura preżenza regolari fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarju maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu sat-30 ta' April 2016 għandu jkun ta' EUR 1 980 000.

2.   In-nefqa għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta' kull infiq lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni ta' tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta' tim. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru kkonċernat, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal kuntrattat internazzjonali għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE, li jkunu bagħtuh, u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għall-espletament u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jinftiehmu mal-pajjiżi ospitanti, kif xieraq. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan l-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, is-SEAE, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kull informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titlu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri raġonevolment prattikabbli kollha, f'konformità mal-mandat u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida mis-SEAE, li jipprovdi għal miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni u l-maniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà, u li jipprovdi għal pjan ta' kontinġenza u pjan ta' evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli, kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, u jipprovdi lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti bil-fomm u bil-miktub lir-RGħ u lis-SEAE. Ir-RSUE għandu jirrapporta regolarment lill-KPS addizzjonalment għar-rekwiżiti minimi għar-rappurtar u l-iffissar tal-objettivi kif stabbiliti fil-Linji Gwida dwar il-ħatriet, il-mandat u l-finanzjament tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill kif meħtieġ. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu impenjati b'mod konsistenti, biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi sessjonijiet ta' informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, il-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-PSDK u l-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni f'Tel Aviv u l-Uffiċċju Rappreżentattiv tal-Unjoni f'Ġerusalemm, għandu jipprovdi lill-Kapijiet tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) u tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EU BAN Rafah) bi gwida politika lokali. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fil-kamp.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta' progress sal-aħħar ta' Settembru 2015 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-aħħar ta' Jannar 2016.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' April 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. RINKĒVIČS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).