26.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/4


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/512

tal-25 ta' Marzu 2015

li temenda d-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-2104 laqgħa tal-Kulleġġ fil-5 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li torganizza mill-ġdid is-servizzi tagħha u li titrasferixxi mill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi għad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji l-kompiti marbutin mat-tħejjija ta' inizjattivi leġiżlattivi u regolatorji tal-Kummissjoni li għandhom bħala għan dak tal-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar, u l-appoġġ f'tali qasam permezz ta' taħriġ u assistenza teknika.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom (1) għandha għaldaqstant tiġi emendata.

(3)

Ġaladarba l-organizzazzjoni mill-ġdid tas-servizzi tal-Kummissjoni, imsemmija hawn fuq, saret effettiva fl-1 ta' Jannar 2015, id-dispożizzjonijiet legali rilevanti għandhom jiġu aġġornati bla dewmien.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom huwa emendat kif ġej:

1.

fil-paragrafu 2, titħassar it-tieni sentenza;

2.

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-Uffiċċju jkun responsabbli għat-tħejjija tal-inizjattivi leġiżlattivi u regolatorji tal-Kummissjoni li għandhom bħala għan dak tal-prevenzjoni tal-frodi kif hemm imsemmi fil-paragrafu 1.”

.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta' April 1999 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20).