24.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 78/40


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/495

tal-20 ta' Marzu 2015

li tistabbilixxi lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2015) 1756)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards ta' kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8b(5) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE jistipula li għandha tiġi stabbilita lista ta' sorveljanza ta' sustanzi jew gruppi ta' sustanzi li għall-bidu għandhom ikunu 10, li għalihom għandha tinġabar dejta ta' monitoraġġ mill-Unjoni kollha bil-għan li jiġu appoġġjati l-eżerċizzji ta' prijoritizzazzjoni futuri skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Il-lista għandha tinkludi indikazzjoni tal-matriċijiet ta' monitoraġġ, kif ukoll il-metodi possibbli ta' analiżi li ma jinvolvux spejjeż eċċessivi.

(2)

L-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE jispeċifika, fost l-oħrajn, il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet għall-monitoraġġ tas-sustanzi inklużi fil-lista ta' sorveljanza, għar-rapportar tar-riżultati tal-monitoraġġ mill-Istati Membri u għall-aġġornament tal-lista.

(3)

Is-sustanzi inklużi fil-lista ta' sorveljanza jridu jintgħażlu minn fost dawk li għalihom l-informazzjoni disponibbli tindika li jistgħu jikkawżaw riskju sinifikanti, fil-livell tal-Unjoni, jew għall-ambjent akkwatiku jew permezz tiegħu, iżda li għalihom id-dejta ta' monitoraġġ disponibbli mhijiex biżżejjed biex wieħed jilħaq konklużjoni dwar ir-riskju proprja maħluq. Is-sustanzi ta' tossiċità għolja, li jintużaw f'għadd kbir ta' Stati Membri u li jintremew fl-ambjent akkwatiku iżda li qatt ma jiġu mmonitorjati jekk mhux f'każijiet rari, għandhom jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni fil-lista ta' sorveljanza. Dak il-proċess ta' għażla għandu jqis l-informazzjoni elenkata fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, filwaqt li għandhom jitqiesu b'mod partikolari s-sustanzi li jniġġsu l-ġodda li qed isiru dejjem aktar komuni.

(4)

Il-monitoraġġ tas-sustanzi mniżżla fil-lista ta' sorveljanza għandu jiġġenera dejta ta' kwalità għolja dwar il-konċentrazzjonijiet ta' dawn is-sustanzi fl-ambjent akkwatiku, li tkun tajba biex jiġu appoġġjati, f'eżerċizzju separat ta' reviżjoni konformi mal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2000/60/KE, il-valutazzjonijiet tar-riskju li fuqhom hija bbażata l-identifikazzjoni tas-sustanzi ta' prijorità. F'dik ir-reviżjoni, is-sustanzi li jinstabu li huma ta' riskju sinifikanti għandhom jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni fil-lista ta' sustanzi ta' prijorità. Wara jiġi stabbilit ukoll standard tal-kwalità ambjentali, li jrid jintlaħaq mill-Istati Membri. Biex sustanza tiġi proposta biex tiġi inkluża fil-lista ta' sustanzi ta' prijorità trid issirilha valutazzjoni tal-impatt.

(5)

B'konformità mal-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, id-diklofenak, is-17-beta-estradjol (E2) u s-17-alfa-etinilestradjol (EE2) għandhom jiġu inklużi fl-ewwel lista ta' sorveljanza sabiex tinġabar dejta ta' monitoraġġ dwarhom bil-għan li tiġi ffaċilitata d-determinazzjoni tal-miżuri x-xierqa biex jiġi indirizzat ir-riskju maħluq minnhom. L-estron (E1) ukoll għandu jiġi inkluż fil-lista ta' sorveljanza minħabba r-relazzjoni kimika mill-qrib li għandu mas-sustanza 17-beta-estradjol, li minnu jiġi prodott bħala riżultat ta' proċess ta' diżintegrazzjoni.

(6)

Matul l-2014, il-Kummissjoni ġabret dejta dwar firxa ta' sustanzi oħra li jistgħu jiġu inklużi fil-lista ta' sorveljanza. Hija qieset is-sorsi tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, u kkonsultat kemm ma' esperti mill-Istati Membri kif ukoll ma' gruppi tal-partijiet ikkonċernati. Twettaq proċess ta' klassifikazzjoni. Waqt dan il-proċess, ġew ikkunsidrati b'mod partikolari s-sustanzi li waslu qrib li jiġu prijorizzati fir-reviżjoni l-aktar riċenti li tlestiet tas-sustanzi ta' prijorità, iżda li għalihom kien għad hemm bżonn ta' dejta ta' monitoraġġ biex jiġi kkonfermat riskju sinifikanti. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll diversi sustanzi oħra li ġew identifikati bħala sustanzi potenzjali li jniġġsu ġodda li qed isiru dejjem aktar komuni, li għalihom ma kienet disponibbli l-ebda dejta reċenti ta' monitoraġġ, jekk mhux biss ftit. Ir-riskju li toħloq kull waħda minn dawk is-sustanzi ġie kkalkulat mill-informazzjoni disponibbli dwar il-periklu intrinsiku tagħhom u mill-esponiment tal-ambjent għalihom. L-esponiment ġie kkalkulat mid-dejta dwar il-firxa tal-produzzjoni u l-użu tagħhom, filwaqt li ġiet ikkunsidrata d-dejta kollha proprja ta' monitoraġġ.

(7)

Waqt il-ġbir tad-dejta dwar is-sustanzi fil-lista inizjali, instabet dejta addizzjonali ta' monitoraġġ għal uħud minn dawk is-sustanzi. Id-disponibbiltà ta' dejta affidabbli u aġġornata għal mill-inqas erba' Stati Membri tqies li hi biżżejjed biex għadd ta' sustanzi ma jiġux inklużi fil-lista ta' sorveljanza. Meta dawk is-sustanzi ma baqgħux jitqiesu, flimkien ma' oħrajn li dwarhom kien hemm dubji partikolari dwar it-tossiċità tagħhom, jew li kien mistenni li mhux se jibqgħu jintużaw, dawn li ġejjin ġew identifikati bħala s-sustanzi li jokkupaw post fuq quddiem nett fil-lista: l-ossadijażon, il-metijokarb, it-2,6-ditert-butil-4-metilfenol, it-tri-allat, erba' pestiċidi neonikotinojdi, l-antibijotiku makrolidu eritromiċina u t-2-etileżil 4-metossiċinnamat. Għaldaqstant, dawk is-sustanzi wkoll għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' sorveljanza, identifikati permezz tan-numru tagħhom tal-“Chemical Abstracts Service” (in-numru tal-CAS) u tan-numru tagħhom tal-UE. Żewġ antibijotiċi makrolidi u pestiċida neonikotinojd ieħor ukoll ġew determinati bħala li possibbilment huma ta' riskju sinifikanti. Il-possibbiltà li sustanzi bl-istess mod ta' azzjoni jista' jkollhom effetti addittivi jkompli jiġġustifika l-proposta li dawn jiġu inklużi b'mod simultanju fil-lista ta' sorveljanza. Għandu jkun possibbli li n-neonikotinojdi u l-antibijotiċi makrolidi jiġu analizzati b'mod simultanju, sabiex dawn ikunu jistgħu jinġabru flimkien fil-lista.

(8)

B'konformità mal-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, il-Kummissjoni identifikat xi metodi possibbli ta' analiżi għas-sustanzi proposti. Il-limitu ta' detezzjoni tal-metodu għandu jkun baxx tal-anqas daqs il-konċentrazzjoni ingħajr effetti speċifika għas-sustanza prevista għal kull sustanza fil-matriċi rilevanti. Jekk xi informazzjoni ġdida twassal għal tnaqqis fil-konċentrazzjoni mingħajr effetti prevista għal sustanzi partikolari, jista' jkun li l-limitu massimu aċċettabbli ta' detezzjoni tal-metodu jkollu jitnaqqas filwaqt li dawk is-sustanzi jibqgħu fil-lista. Mhux meqjus li l-metodi analitiċi jinvolvu spejjeż eċċessivi.

(9)

Għal raġunijiet ta' komparabbiltà, is-sustanzi kollha għandhom jiġu mmonitorjati f'kampjuni tal-ilma sħaħ. Madankollu, ikun xieraq li t-2-etileżil 4-metossiċinnamat jiġi mmonitorjat ukoll fil-materja partikolata f'sospensjoni jew fis-sediment, minħabba t-tendenza ta' din is-sustanza kimika li tinqasam f'din il-matriċi.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2000/60/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ewwel lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE hija mogħtija fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84.

(2)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).


ANNESS

Lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha kif stabbilit fl-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE

Isem is-sustanza/isem il-grupp ta' sustanzi

Numru tas-CAS (1)

Numru tal-UE (2)

Metodu analitiku indikattiv (3)  (4)  (5)

Limitu massimu aċċettabbli ta' detezzjoni tal-metodu (f'ng/l)

17-alfa-etinilestradjol (EE2)

57-63-6

200-342-2

SPE ta' volum għoli — LC-MS-MS

0,035

17-beta-estradjol (E2), Estron (E1)

50-28-2,

53-16-7

200-023-8

SPE — LC-MS-MS

0,4

Diklofenak

15307-86-5

239-348-5

SPE — LC-MS-MS

10

2,6-ditert-butil-4-metilfenol

128-37-0

204-881-4

SPE — GC-MS

3 160

2-etileżil 4-metossiċinnamat

5466-77-3

226-775-7

SPE — LC-MS-MS

jew GC-MS

6 000

Antibijotiċi makrolidi (6)

 

 

SPE — LC-MS-MS

90

Metijokarb

2032-65-7

217-991-2

SPE — LC-MS-MS

jew GC-MS

10

Neonikotinojdi (7)

 

 

SPE — LC-MS-MS

9

Ossadijażon

19666-30-9

243-215-7

LLE/SPE — GC-MS

88

Tri-allat

2303-17-5

218-962-7

LLE/SPE — GC-MS

jew LC-MS-MS

670


(1)  “Chemical Abstracts Service”

(2)  In-numru tal-Unjoni Ewropea, li mhux disponibbli għas-sustanzi kollha

(3)  Sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tar-riżultati minn Stati Membri differenti, is-sustanzi kollha għandhom jiġu mmonitorjati f'kampjuni tal-ilma sħaħ.

(4)  Metodi ta' estrazzjoni:

LLE

estrazzjoni b'ripartizzjoni likwidu-likwidu;

SPE

estrazzjoni f'fażi solida.

Metodi analitiċi:

GC-MS— kromatografija b'fażi gassuża/spettrometrija ta' massa;

LC-MS-MS— spettrometrija ta' massa bi kwadrupol triplu bi kromatografija likwida (tandem).

(5)  Għall-monitoraġġ tat-2-etileżil 4-metossiċinnamat fil-materja partikolata f'sospensjoni (SPM) jew fis-sediment (daqs < 63μm), għandu jintuża l-metodu analitiku li ġej: SLE (estrazzjoni b'ripartizzjoni solidu-likwidu) — GC-MS, b'limitu massimu ta' detezzjoni ta' 0,2 mg/kg.

(6)  L-eritromiċina (bin-numru tas-CAS 114-07-8 u n-numru tal-UE 204-040-1), il-klaritromiċina (bin-numru tas-CAS 81103-11-9) u l-ażitromiċina (bin-numru tas-CAS 83905-01-5 u n-numru tal-UE 617-500-5).

(7)  L-imidakloprid (bin-numru tas-CAS 105827-78-9/138261-41-3 u n-numru tal-UE 428-040-8), it-tijakloprid (bin-numru tas-CAS 111988-49-9), it-tijametossam (bin-numru tas-CAS 153719-23-4 u n-numru tal-UE 428-650-4), il-klotijanidin (bin-numru tas-CAS 210880-92-5 u n-numru tal-UE 433-460-1) u l-aċetamiprid (bin-numru tas-CAS 135410-20-7/160430-64-8).