13.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/45


DEĊIŻJONI (UE) 2015/421 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Diċembru 2014

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikolari l-punt 12 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi,

(1)

L-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (2) jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà fil-limitu annwali ta' EUR 471 miljun (prezzijiet tal-2011) biex ikun hemm il-finanzjament ta' nefqa identifikata b'mod ċar li ma setgħetx tkun iffinanzjata fil-limiti disponibbli għal intestatura waħda oħra jew aktar.

(2)

Wara li eżaminaw il-possibbiltajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet taħt is-subintestatura 1b, jidher li hemm bżonn tal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà biex jikkomplementa l-finanzjament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, lil hinn mil-limitu massimu tas-subintestatura 1b, b'EUR 83 285 595 favur il-finanzjament tal-programmi ta' Fondi Strutturali Ċiprijotti biex tingħata allokazzjoni addizzjonali mill-Fondi Strutturali lil Ċipru għas-sena 2015 b'ammont totali ta' EUR 100 000 000.

(3)

Għas-sena finanzjarja 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill diġà mmobilizzaw l-Istrument tal-Flessibbiltà b'Deċiżjoni tal-20 ta' Novembru 2013 għall-finanzjament ta' programmi ta' fondi strutturali Ċiprijotti għal ammont ta' EUR 89 330 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn biss.

(4)

Filwaqt li titqies in-natura supplimentari tal-istrument ta' flessibbiltà, huwa meħtieġ li jiġu pprovduti approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali sabiex ikunu koperti l-approprjazzjonijiet għall-impenji addizzjonali għal Ċipru għal sentejn finanzjarji 2014 u 2015 abbażi l-profil tal-pagamenti mistenni, stmat għal EUR 11,3 miljun fl-2015, EUR 45,7 miljun fl-2016, EUR 75,4 miljun fl-2017 u EUR 40,2 miljun fl-2018. L-ammonti annwali għal kull sena tal-perjodu 2015-2018, ikollhom jiġu kkonfermati minn kull abbozz tal-baġit ippreżentat mill-Kummissjoni matul dan il-perjodu,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, l-Istrument ta' Flessibbiltà għandu jintuża biex jipprovdi s-somma ta' EUR 83 285 595 f'approprjazzjonijiet ta' impenn fis-subintestatura 1b.

Dak l-ammont għandu jintuża sabiex jikkomplementa l-finanzjament tal-programmi Ċiprijotti tal-Fondi Strutturali taħt is-subintestatura 1b.

Pagamenti assoċjati mal-finanzjament tal-fondi strutturali Ċiprijotti permezz tal-Istrument ta' Flessibbiltà fl-2014 u l-2015 ikunu EUR 172 600 000 għall-perjodu 2015-2018. L-ammont eżatt annwali jiġi definit fl-Abbozz ta' Baġit tas-sena kif ippreżentata mill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, 17 ta' Diċembru 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

B. DELLA VEDOVA


(1)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).