7.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 64/38


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/382

tas-6 ta' Marzu 2015

li temenda d-Deċiżjoni 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-28 ta' Frar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/137/PESK (1).

(2)

Fl-20 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u ddikjara li kien lest li jimplimenta r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”) 2174 (2014) tas-27 ta' Awwissu 2014, sabiex jindirizza t-theddid għall-paċi u l-istabbiltà tal-Libja. Il-Kunsill ikkonkluda li dawk responsabbli għall-vjolenza u dawk li jxekklu jew idgħajfu d-demokrazija tal-Libja jeħtieġ li jinżammu responsabbli.

(3)

L-UNSCR 2174 (2014) fost l-oħrajn testendi l-applikazzjoni tal-miżuri ta' projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kif jinsabu fil-paragrafu 22 tal-UNSCR 1970 (2011) u l-paragrafu 23 tal-UNSCR 1973 (2011) biex tinkludi persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew ixekklu jew idgħajfu t-tlestija b'suċċess tat-transizzjoni politika tagħha. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/727/PESK (2) l-Annessi I u III għad-Deċiżjoni 2011/137/PESK ġew emendati kif meħtieġ.

(4)

Il-kriterji għall-applikazzjoni tal-miżuri ta' projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kif jinsabu fl-UNSCR 2174 (2014) għandhom jiġu estiżi wkoll għal persuni u entitajiet mhux koperti mill-Annessi I jew III għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK.

(5)

Wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta' Settembru 2014 fil-Kawża T-348/13 (3), Kadhaf Al Dam v il-Kunsill, l-entratura li tikkonċerna lill-Ahmed Mohammed Qadhaf Al-dam għandha titħassar mill-Annessi II u IV tad-Deċiżjoni 2011/137/PESK. Barra minn hekk, l-entratura li tikkonċerna persuna oħra għandha titħassar mill-Anness II tad-Deċiżjoni 2011/137/PESK. Minbarra dan, l-entratura li tikkonċerna persuna oħra kif tinsab fl-Annessi II u IV għad-Deċiżjoni 2011/137/PESK għandha tiġi aġġornata.

(6)

Id-Deċiżjoni 2011/137/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2011/137/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 5(1), jinżied il-punt li ġej:

“(c)

persuni mhux koperti mill-Anness I għal din id-Deċiżjoni involuti fi jew li jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew ixekklu jew idgħajfu t-tlestija b'suċċess tat-transizzjoni politika tagħha, fost l-oħrajn permezz ta':

(i)

il-pjanifikazzjoni, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru d-dritt internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, jew atti li jikkostitwixxu abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem, fil-Libja;

(ii)

attakki kontra kwalunkwe port tal-ajru, tal-art jew tal-baħar fil-Libja, jew kontra istituzzjoni jew installazzjoni statali Libjana, jew kontra kwalunkwe missjoni barranija fil-Libja;

(iii)

l-għoti ta' appoġġ għal gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament illeċitu ta' żejt mhux maħdum jew kwalunkwe riżorsi naturali oħra fil-Libja;

(iv)

teħid ta' azzjonijiet għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni tal-persuni jew l-entitajiet elenkati,

kif elenkati fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.”

;

(2)

fl-Artikolu 6(1), jinżied il-punt li ġej:

“(c)

persuni u entitajiet mhux koperti mill-Anness III għal din id-Deċiżjoni involuti fi jew li jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jxekklu jew idgħajfu t-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha, fost l-oħrajn permezz ta':

(i)

il-pjanifikazzjoni, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru d-dritt internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, jew atti li jikkostitwixxu abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem, fil-Libja;

(ii)

attakki kontra kwalunkwe port tal-ajru, tal-art jew tal-baħar fil-Libja, jew kontra istituzzjoni jew installazzjoni statali Libjana, jew kontra kwalunkwe missjoni barranija fil-Libja;

(iii)

l-għoti ta' appoġġ għal gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament illeċitu ta' żejt mhux maħdum jew kwalunkwe riżorsi naturali oħra fil-Libja;

(iv)

teħid ta' azzjonijiet għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni tal-persuni jew l-entitajiet elenkati,

kif elenkati fl-Anness IV għal din id-Deċiżjoni”

.

Artikolu 2

L-Annessi II u IV għad-Deċiżjoni 2011/137/PESK huma b'dan emendati kif imniżżel fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Marzu 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

K. GERHARDS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK tat-28 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 58, 3.3.2011, p. 53).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/727/PESK tal-20 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 301, 21.10.2014, p. 30).

(3)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra.


ANNESS

1.   

L-entrati mniżżlin fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2011/137/PESK li jikkonċernaw il-persuni elenkati hawn taħt huma mħassrin:

“6.

QADHAF AL-DAM, Ahmed Mohammed”

“19.

ZIDANE, Mohamad Ali.”

2.   

L-entrata mniżżla fl-Anness IV għad-Deċiżjoni 2011/137/PESK li tikkonċerna l-persuna elenkata hawn taħt hija mħassra:

“8.

QADHAF AL-DAM, Ahmed Mohammed.”

3.   

L-entrata mniżżla fl-Annessi II u IV għad-Deċiżjoni 2011/137/PESK li tikkonċerna l-persuna elenkata hawn taħt tinbidel bl-entrata li ġejja:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

ABDULHAFIZ, Kurunell Mas'ud (magħruf ukoll bħala ABDULHAFID (kunjom); Massoud (isem))

Pożizzjoni: Kmandant tal-Forzi Armati

Data tat-twelid: l-1 ta' Jannar 1937

Post tat-twelid: Tripli, il-Libja

It-tielet fil-kmand tal-Forzi Armati. Rwol sinifikanti fl-Intelligence Militari.

28.2.2011”