7.3.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 64/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/372
tat-8 ta' Ottubru 2014
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-gvern tal-Istat tal-Iżrael min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fl-14 ta' Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati, f'isem l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Kroazja, biex tikkonkludi Protokoll li jemenda l-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda u l-gvern tal-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra, (1) tittieħed inkunsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mar-Repubblika tal-Kroazja (“il-Protokoll”). |
(2) |
Dawk in-negozjati ġew konklużi b'suċċess fit-12 ta' Diċembru 2013. |
(3) |
Il-Protokoll għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard. |
(4) |
Il-Protokoll għandu jiġi applikat b'mod provviżorju, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Protokoll li jemenda Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u l-gvern tal-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra, tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewroepa huwa b'dan awtorizzat f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, suġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll.
It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat sabiex jaħtar il-persuna jew persuni biex tingħatalhom is-setgħa jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
Artikolu 3
Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja, skont l-Artikolu 3(2) tiegħu, mill-iffirmar tiegħu mill-partijiet (2), sakemm jidħol fis-seħħ.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ottubru 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
M. LUPI
(1) It-test tal-Ftehim hu ppubblikat fil-ĠU L 208, 2.8.2013, p. 3.
(2) Id-data minn meta l-Protokoll japplika b'mod provviżorju se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.