5.3.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 61/24 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/356
tat-2 ta' Marzu 2015
li tawtorizza lir-Renju Unit japplika livelli ta' tassazzjoni ddivrenzjati għall-fjuwils tal-magni f'ċerti żoni ġeografiċi, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Permezz ta' ittra tat-2 ta' Frar 2014, ir-Renju Unit talab li jingħata l-awtorizzazzjoni biex japplika rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa fuq in-nafta u l-petrol bla ċomb, forniti bħala fjuwil tal-magni għal vetturi tat-triq, f'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE fiż-żoni ġeografiċi li ġejjin, koperti, fid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, mid-distretti b'kodiċi postali ta' IV54 (Highland, Skozja), IV26 (Highland, Skozja), IV27 (Highland, Skozja), NE48 (Northumberland, Ingilterra), PH41 (Highland, Skozja), KW12 (Highland, Skozja), PA80 (Argyll and Bute, Skozja), PH36 (Highland, Skozja), IV22 (Highland, Skozja), PA38 (Argyll and Bute, Skozja), PH23 (Highland, Skozja), PH19 (Highland, Skozja), IV21 (Highland, Skozja), LA17 (Cumbria, Ingilterra), EX35 (Devon, Ingilterra), IV14 (Highland, Skozja) u fiż-żona ġeografika koperta, fid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, mill-belt postali ta' Hawes (North Yorkshire, Ingilterra). Ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni u kjarifiki addizzjonali fit-3 ta' Ġunju u fis-17 ta' Settembru 2014. |
(2) |
F'dawk iż-żoni, il-prezzijiet tan-nafta u tal-petrol bla ċomb, forniti bħala fjuwil tal-magni għal vetturi tat-triq, huma ogħla mill-prezzijiet medji fil-kumplament tat-territorju tar-Renju Unit, u dan ipoġġi lill-konsumaturi lokali tal-fjuwil fi żvantaġġ. Id-differenza fil-prezzijiet tirriżulta mill-ispejjeż addizzjonali għal kull unità kkawżati mill-pożizzjoni ġeografika ta' dawk iż-żoni, il-popolazzjoni żgħira tagħhom u l-kunsinna ta' volumi relattivament baxxi ta' fjuwil. |
(3) |
Ir-rati mnaqqsa ta' tassazzjoni għandhom ikunu ogħla mir-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96/KE. |
(4) |
Fid-dawl tan-natura speċifika taż-żoni li għalihom tapplika u tat-tnaqqis moderat fir-rata, liema tnaqqis itaffi parzjalment biss l-ispejjeż ogħla mġarrba fiż-żoni ġeografiċi inkwistjoni, il-miżura mhijiex mistennija twassal għal xi moviment għall-finijiet tal-provvista tal-fjuwil. |
(5) |
Konsegwentement, il-miżura hija aċċettabbli mill-perspettiva tal-funzjonament korrett tas-suq intern u tal-ħtieġa li tkun żgurata kompetizzjoni ġusta, u hija kompatibbli mal-politiki tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport. |
(6) |
F'konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dak l-Artikolu teħtieġ li jkollha żmien strettament limitat. Sabiex tipprovdi lin-negozji u lill-konsumaturi kkonċernati b'livell suffiċjenti ta' ċertezza, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perjodu ta' sitt snin. Madankollu, sabiex ma jiġux ippreġudikati l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li jiġi previst li, jekk il-Kunsill, huwa u jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jintroduċi sistema ġenerali mmodifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija li magħhom ma tkunx kumpatibbli l-awtorizzazzjoni mogħtija f'din id-Deċiżjoni, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi dakinhar li jsiru applikabbli r-regoli ta' dik is-sistema mmodifikata. |
(7) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Ir-Renju Unit b'dan huwa awtorizzat japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq in-nafta u l-petrol bla ċomb, forniti bħala fjuwil tal-magni għall-vetturi tat-triq, fiż-żoni ġeografiċi li ġejjin, koperti, fid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, mid-distretti b'kodiċi postali ta' IV54 (Highland, Skozja), IV26 (Highland, Skozja), IV27 (Highland, Skozja), NE48 (Northumberland, Ingilterra), PH41 (Highland, Skozja), KW12 (Highland, Skozja), PA80 (Argyll and Bute, Skozja), PH36 (Highland, Skozja), IV22 (Highland, Skozja), PA38 (Argyll and Bute, Skozja), PH23 (Highland, Skozja), PH19 (Highland, Skozja), IV21 (Highland, Skozja), LA17 (Cumbria, Ingilterra), EX35 (Devon, Ingilterra), IV14 (Highland, Skozja) u fiż-żona ġeografika koperta, fid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, mill-belt postali ta' Hawes (North Yorkshire, Ingilterra).
Sabiex jiġi evitat kull kumpens żejjed, it-tnaqqis fir-rata nazzjonali standard ta' tassazzjoni għall-petrol bla ċomb jew għan-nafta rispettivament ma għandux jeċċedi l-ispiża addizzjonali tal-bejgħ bl-imnut f'dawk iż-żoni ġeografiċi, meta mqabbel mal-ispiża medja tal-bejgħ bl-imnut imġarrba fir-Renju Unit u t-tnaqqis ma għandux ikun ta' aktar minn GBP 50 (EUR 64) għal kull 1 000 litru tal-prodott.
2. Ir-rati mnaqqsa għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b'mod partikolari mar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 7 tagħha.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Hija għandha tiskadi sitt snin wara tali data. Madankollu, jekk il-Kunsill, huwa u jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 tat-TFUE, jintroduċi sistema ġenerali mmodifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija li magħhom ma tkunx kumpatibbli l-awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi dakinhar li jsiru applikabbli r-regoli ta' dik is-sistema mmodifikata.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
D. REIZNIECE-OZOLA
(1) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.