20.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 47/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/268

tas-17 ta' Diċembru 2014

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorjatal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(5) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Ġunju 2007 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterannju li jistabbilixxi Assoċazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra (1), dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni (“il-Protokoll”),

(2)

In-negozjati ġew konklużi.

(3)

L-objettiv tal-Protokoll huwa li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li jippermettu lir-Repubblika tal-Libanu tipparteċipa f'ċerti programmi tal-Unjoni. Il-qafas orizzontali stabbilit bil-Protokoll jistabbilixxi prinċipji għal kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika u jippermetti lir-Repubblika tal-Libanu tirċievi għajnuna, b'mod partikolari għajnuna finanzjarja, mill-Unjoni Ewropea f'konformità ma' dawk il-programmi. Dak il-qafas japplika biss għal dawk il-programmi tal-Unjoni li għalihom l-atti legali kostituttivi rilevanti jipprovdu għall-possibbiltà tal-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu. Għalhekk, l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll ma jinvolvux l-eżerċizzju tas-setgħat taħt id-diversi politiki settorjali mogħtija mill-programmi, li huma eżerċitati meta jiġu stabbiliti l-programmi.

(4)

Il-Protokoll għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar il-persuna(i) bis-setgħa tal-firma tal-Protokoll f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja, mill-firma tiegħu, (2) sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni hija awtorizzata tistabbilixxi, f'isem l-Unjoni, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Libanu f'kull programm partikolari tal-Unjoni, inkluża l-kontribuzzjoni finanzjarju pagabbli. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill infurmat.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. L. GALLETTI


(1)   ĠU L 143, 30.5.2006, p. 2

(2)  Id-data tal-iffirmar tal-Protokoll għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.