14.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/18


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/236

tat-12 ta' Frar 2015

li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta' Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tagħha,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK.

(2)

Id-Deċiżjoni 2010/413/PESK tippermetti, inter alia, l-eżekuzzjoni ta' obbligi previsti f'kuntratti konklużi qabel it-23 ta' Jannar 2012 jew f'kuntratti anċillari meħtieġa għall- eżekuzzjoni ta' tali obbligi meta l-provvista ta' żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi Iranjani jew ir-rikavat miksub mill-provvista tagħhom ikunu għar-rimbors ta' ammonti pendenti fir-rigward ta' kuntratti konklużi qabel it-23 ta' Jannar 2012 dovuti lil persuni jew entitajiet fit-territorji tal-Istati Membri jew taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, fejn dawk il-kuntratti jipprevedu speċifikament tali rimborsi.

(3)

Id-Deċiżjoni 2010/413/PESK tipprevedi wkoll li l-miżuri tal-iffriżar tal-assi stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni ma japplikawx għal atti u transazzjonijiet imwettqa fir-rigward tal-entitajiet elenkati fl-Anness II għal dik id-Deċiżjoni sa fejn neċessarju għall-eżekuzzjoni, sal-31 ta' Diċembru 2014, tal-obbligi rilevanti.

(4)

Il-Kunsill iqis li dik l-eżenzjoni għandha tiġi estiża sat-30 ta' Ġunju 2015.

(5)

Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni.

(6)

Permezz tas-sentenza tagħha tat-12 ta' Diċembru 2013 fil-Kawża T-58/12, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat id-deċiżjoni tal-Kunsill li Gholam Golparvar, Ghasem Nabipour, Mansour Eslami, Mohamad Talai, Mohammad Fard, Alireza Ghezelayagh, Hassan Zadeh, Mohammad Pajand, Ahmad Sarkandi, Seyed Rasool u Ahmad Tafazoly jiġu inklużi fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK.

(7)

Gholam Golparvar għandu jerġa' jiġi inkluż fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi, abbażi ta' dikjarazzjoni ġdida tar-raġunijiet.

(8)

Permezz tas-sentenza tagħha tat-3 ta' Lulju 2014 fil-Kawża T-565/12, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat id-deċiżjoni tal-Kunsill li National Iranian Tanker Company tiġi inkluża fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK.

(9)

National Iranian Tanker Company għandha terġa' tiġi inkluża fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi, abbażi ta' dikjarazzjoni ġdida tar-raġunijiet.

(10)

Id-Deċiżjoni 2010/413/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 20(14) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“14.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal atti u transazzjonijiet imwettqa fir-rigward ta' entitajiet elenkati fl-Anness II safejn neċessarju għall-eżekuzzjoni, sat-30 ta' Ġunju 2015, tal-obbligi kif imsemmi fl-Artikolu 3c(2) sakemm dawk l-atti u t-transazzjonijiet ma jkunux ġew awtorizzati minn qabel, każ b'każ, mill-Istat Membru rilevanti. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni.”

Artikolu 2

L-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK huwa emendat kif indikat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Frar 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. RINKĒVIČS


(1)  ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.


ANNESS

I.

L-entità elenkata hawn taħt hija inkluża fil-lista li tinsab fil-Parti I tal-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK:

I.   Persuni u entitajiet involuti f'attivitajiet nukleari jew tal-missili ballistiċi u persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran.

B.   Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

140.

National Iranian Tanker Company (NITC)

35 East Shahid Atefi Street, Africa Ave., 19177 Tehran, P.O. Box: 19395-4833,

Tel. +98 21 23801,

Posta elettronika: info@nitc-tankers.com; l-uffiċċji mad-dinja kollha

National Iranian Tanker Company tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran permezz tal-azzjonisti tagħha l-Fond Statali Iranjan għall-Irtirar, l-Organizzazzjoni Iranjana tas-Sigurtà Soċjali, u l-Fond għall-Irtirar u t-Tfaddil ta' Ħaddiema fl-Industrija taż-Żejt, li huma entitajiet ikkontrollati mill-Istat. Barra minn hekk, NITC hija wieħed mill-ikbar operaturi ta' trasportaturi taż-żejt mhux maħdum fid-dinja u wieħed mill-ikbar trasportaturi taż-żejt mhux maħdum Iranjan. Għaldaqstant, NITC tipprovdi appoġġ loġistiku lill-Gvern tal-Iran billi tittrasporta ż-żejt Iranjan.

 

II.

Il-persuna elenkata hawn taħt hija inkluża fil-lista li tinsab fil-Parti III tal-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK:

III.   Islamic Republic of Iran Shipping Lines (IRISL)

A.   Persuna

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

8.

Gholam Hossein Golparvar

Twieled fit-23 ta' Jannar 1957, Iranjan. Karta tal-Identità nru 4207.

Is-Sur Golparvar jaġixxi f'isem IRISL u kumpanniji assoċjati magħha. Kien direttur kummerċjali ta' IRISL, kif ukoll Direttur Amministrattiv u azzjonist ta' SAPID Shipping Company, direttur mhux eżekuttiv u azzjonist ta' HDSL, u azzjonist ta' Rhabaran Omid Darya Ship Management Company, li huma indikati mill-UE bħala kumpanniji li jaġixxu f'isem IRISL.