|
3.2.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 27/42 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/164
tat-2 ta' Frar 2015
dwar deroga mir-regoli ta' oriġini stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE fir-rigward taz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli mill-Curaçao
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(1)(c) tal-Anness VI tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skont il-punti (g), (j) u (k) tal-Artikolu 5(1) tal-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/755/UE, it-tħin parzjali jew totali ta' zokkor, l-għarbil u t-tqegħid f'boroż jitqiesu bħala proċessi ta' xogħol jew ipproċessar insuffiċjenti biex jingħataw l-istatus ta' prodotti oriġinarji. |
|
(2) |
Fl-2002, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu deroga mir-regola tal-oriġini fil-każ ta' prodotti taz-zokkor li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 1701 11 90 , 1701 99 10 u 1701 91 00 ipproċessati fl-Antilli Olandiżi għal kwantità annwali ta' 3 000 tunnellata. Dik it-talba ġiet milqugħa u d-deroga ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2007. |
|
(3) |
Fl-2009, il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu talba għal estensjoni tad-deroga mogħtija fl-2002 u talba għal deroga ġdida. It-talba għal estensjoni ġiet miċħuda bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/699/KE (2), filwaqt li ntlaqgħet it-talba għal deroga ġdida, fil-limiti tal-kwantitajiet li għalihom ġew allokati l-liċenzji tal-importazzjoni taz-zokkor lill-Antilli Olandiżi fl-2009 u fl-2010. |
|
(4) |
Fl-2010, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu deroga ġdida fir-rigward ta' prodotti taz-zokkor ipproċessati fl-Antilli Olandiżi għall-perjodu mill-2011 sal-2013. Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/47/UE (3) id-deroga ngħatat skont il-paragrafi 1, 3 u 7 tal-Artikolu 37 tal-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE (4) u taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-għan tagħhom kien li jibbilanċjaw l-interessi leġittimi tal-operaturi tal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej (OCT) mal-objettivi tal-organizzazzjoni tas-suq komuni għaz-zokkor tal-Unjoni. |
|
(5) |
Fil-11 ta' Frar 2013, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu f'isem il-Gvern ta' Curaçao, deroga ġdida mir-regoli ta' oriġini stipulati fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2013, id-data ta' skadenza tad-Deċiżjoni 2001/822/KE. It-talba tkopri kwantità annwali totali ta' 5 500 tunnellata ta' prodotti taz-zokkor tal-kodiċi NM 1701 14 90 , deskritti bħala “zokkor bijo”, li joriġinaw f'pajjiżi terzi u li jiġu pproċessati f'Curaçao għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Din it-talba ġiet irtirata uffiċjalment mill-Pajjiżi l-Baxxi fis-17 ta' April 2013 minħabba li l-attivitajiet ta' pproċessar deskritti fit-talba ma kinux għadhom jitwettqu fl-Antilli Olandiżi. Fis-17 ta' April 2013, il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu t-tieni talba għal deroga għal 5 000 tunnellata ta' prodotti taz-zokkor, deskritti bħala zokkor organiku mhux maħdum tal-kannamieli tal-kodiċi NM 1701 14 90 , għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 2013 u l-31 ta' Diċembru 2013. Din it-talba ġiet miċħuda bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/460/UE (5). |
|
(6) |
Fit-23 ta' Ġunju 2014, il-Gvern ta' Curaçao ressaq talba għal deroga għal 7 000 tunnellata fis-sena ta' prodotti taz-zokkor, deskritti bħala zokkor organiku mhux maħdum tal-kannamieli, zokkor konvenzjonali mhux maħdum tal-kannamieli tal-kodiċi NM 1701 13 u taħlitiet ta' zokkor tal-kodiċi NM 1701 99 , 1806 10 u 2106 90 għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 2014 u l-1 ta' Jannar 2018. Fl-1 ta' Settembru 2014, il-Gvern ta' Curaçao ressaq informazzjoni addizzjonali dwar it-talba tiegħu li fost l-oħrajn, fiha jindika li d-deroga ntalbet għall-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2014 u l-1 ta' Jannar 2020. |
|
(7) |
Il-Gvern ta' Curaçao spjega li mill-1 ta' Jannar 2014 l-industrija waqqfet l-attivitajiet tagħha tal-ipproċessar taz-zokkor, peress li d-Deċiżjoni 2013/755/UE ma toffrix il-possibbiltà li jiġu esportati prodotti lejn l-Unjoni mingħajr dazju hekk kif l-attivitajiet ta' proċessar tal-industrija jitiqesu insuffiċjenti biex jingħataw l-istatus ta' prodotti oriġinarji. Madankollu, l-industrija hija lesta li tinvesti fl-ipproċessar, l-ippakkjar u l-bejgħ bl-ingrossa ta' prodotti organiċi niexfa għall-esportazzjoni fir-reġjun ladarba jkun iġġenerat il-profitt meħtieġ biex jiffinanzja dawn l-investimenti. L-għan huwa li dawn l-attivitajiet il-ġodda jibdew fit-tieni nofs tal-2015. Bħala riżultat ta' dawn l-attivitajiet il-ġodda, l-industrija qed tistenna li żżid l-għadd ta' impjegati. |
|
(8) |
Skont l-informazzjoni li waslet mill-Gvern ta' Curaçao, bil-prezzijiet tas-suq attwali, l-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta' 2 000 tunnellata ta' zokkor organiku li ġej minn pajjiżi terzi u mitħun f'Curaçao tista' tiġġenera profitt nett wara li titnaqqas it-taxxa ta' EUR 25,42 għal kull tunnellata, dejjem jekk iz-zokkor jista' jiġi importat skont trattament preferenzjali bħala zokkor li joriġina f'Curaçao. |
|
(9) |
L-ispejjeż tal-produzzjoni taz-zokkor tal-kannamieli fil-Brażil, inklużi l-ispejjeż amministrattivi, huma ta' EUR 294 għal kull tunnellata ta' zokkor mhux maħdum tal-kannamieli. Jidher improbabbli li l-ispejjeż għat-tindif, it-tħin u l-ippakkjar ta' zokkor organiku tal-kannamieli f'Curaçao, kif ikkomunikati lill-Kummissjoni, ikunu ogħla minn EUR 294 għal kull tunnellata, anke meta jiżdiedu l-ispejjeż tat-trasport lejn l-UE. Minflok, dawn l-ispejjeż ikollhom jitqiesu li jinkludu komponenti u qligħ ġenerali. Sabiex tiġi żgurata attività ekonomika sostenibbli, l-ispejjeż tal-produzzjoni f'Curaçao, fejn jitwettaq biss proċessar sempliċi, inklużi l-ispejjeż tat-trasport lejn l-Unjoni, għandhom ikunu inqas jew daqs l-ispiża għall-biedja u l-ipproċessar ta' zokkor tal-kannamieli fil-Brażil. Għalhekk, meta l-EUR 294 għal kull tunnellata jitqiesu bħala spiża realistika għat-tindif, it-tħin u l-ippakkjar ta' zokkor organiku mhux maħdum tal-kannamieli f'Curaçao u t-trasport lejn l-UE, huwa possibbli li jiġi ġġenerat profitt wara li titnaqqas it-taxxa ta' EUR 192 għal kull tunnellata. Jitqies sproporzjonat li jiġi ġġenerat profitt ta' EUR 25,42 biss għal kull tunnellata zokkor tal-kannamieli miksuba f'Curaçao wara t-tħin f'pajjiż terz, u fl-istess ħin jiġi provdut aċċess fl-Unjoni għal eżenzjoni mid-dazju u għal eżenzjoni tal-ħlas ta' EUR 419 f'dazji tal-importazzjoni għal kull tunnellata ta' zokkor minn pajjiżi terzi. |
|
(10) |
Id-deroga ntalbet għal 7 000 tunnellata ta' prodotti taz-zokkor, deskritti bħala zokkor organiku tal-kannamieli, zokkor konvenzjonali tal-kannamieli u ta' taħlitiet ta' zokkor. Madankollu, it-talba ma ssemmix il-prezz tal-pektina, tal-kaseinat, tat-trab tal-ħalib u tat-trab tal-kawkaw użati fil-produzzjoni ta' dawn it-taħlitiet ta' zokkor meħtieġa sabiex jiġi kkalkulat il-profitt li jista' jinkiseb. Għalhekk, id-deroga għandha tingħata biss għaz-zokkor organiku mhux maħdum tal-kannamieli u għaz-zokkor konvenzjonali mhux maħdum tal-kannamieli. |
|
(11) |
Il-Gvern ta' Curaçao spjega li d-deroga se tippermetti lill-industrija biex tibda mill-ġdid l-attivitajiet tagħha u tattiva mill-ġdid l-impjiegi li jikkontribwixxu għall-attivitajiet ta' esportazzjoni filwaqt li jiġġeneraw flus barranin. L-industrija se tikkontribwixxi wkoll għall-introjtu tal-Gvern billi tissodisfa l-obbligi fiskali tagħha. |
|
(12) |
Matul il-perjodu ta' bejn l-2009 u l-2013, Curaçao bbenefika minn derogi mogħtija skont id-Deċiżjoni 2001/822/KE, li jgħinu biex jiġi ġġenerat il-fatturat meħtieġ għall-investiment fid-diversifikazzjoni lejn il-produzzjoni ta' prodotti li ma jeħtiġux deroga mir-regoli ta' oriġini. Skont l-informazzjoni li waslet, l-investimenti kienu baxxi ħafna fl-2009, u bejn l-2010 u l-2012 ma sar l-ebda investiment. Għalhekk, dawn id-derogi għenu biss biex jinżammu l-proċessi ta' tħin u ppakkjar mingħajr ma kkontribwew b'mod sostenibbli għall-iżvilupp ta' industrija eżistenti jew għall-ħolqien ta' waħda ġdida. Għalhekk, fi tmiem il-perjodu ta' validità tad-deroga jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-profitt iġġenerat mid-deroga, ġiex effettivament investit f'makkinarju ġdid għall-produzzjoni ta' prodotti organiċi niexfa u sa liema punt ikkontribwixxa għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda. Għalhekk, il-Gvern ta' Curaçao għandu jressaq quddiem l-Unjoni xhieda ċertifikata tal-investimenti li saru u taċ-ċifri tal-impjiegi għal verifika. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni tqis bħala wieħed realistiku, profitt nett wara li titnaqqas it-taxxa ta' EUR 192 għal kull tunnellata għat-tindif, it-tħin u l-ippakkjar ta' zokkor organiku mhux maħdum tal-kannamieli f'Curaçao. Għalhekk, għandu jkun possibbli li jiġu ffinanzjati l-investimenti previsti ta' EUR 300 000, kif ikkomunikat mill-Gvern ta' Curaçao, permezz tal-produzzjoni ta' 1 560 tunnellata ta' zokkor mhux maħdum tal-kannamieli. Għaldaqstant, id-deroga għandha tingħata għall-kwantità ta' 780 tunnellata għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2015 u l-31 ta' Marzu 2016 u ta' 780 tunnellata għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2016 u l-31 ta' Marzu 2017. |
|
(14) |
Permezz ta' ittra tal-21 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni talbet lil Curaçao biex jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba u biex jaqsam il-fehmiet tiegħu. L-iskadenza għat-tweġiba ġiet stabbilita għat-3 ta' Diċembru 2014. It-tweġiba waslet mingħand Curaçao fit-3 ta' Diċembru 2014. |
|
(15) |
Suġġetta għal dawn il-kundizzjonijiet, id-deroga ma tikkawżax ħsara serja lil xi settur ekonomiku jew lil xi industrija stabbilita fl-Unjoni. |
|
(16) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (6) jistipula r-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Dawk ir-regoli għandhom jiġu applikati għall-ġestjoni tal-kwantità li għaliha qed tingħata d-deroga kkonċernata. |
|
(17) |
Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma tax opinjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-President tiegħu, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'deroga mill-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/755/UE, iz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli, li jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 1701 13 , li nkiseb wara t-tħin taz-zokkor mhux maħdum tal-kannamieli mhux oriġinarju f'Curaçao, għandu jitqies bħala oriġinarju minn Curaçao skont it-termini stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 5 ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 tapplika għall-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni li huma importati fl-Unjoni minn Curaçao matul il-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2015 u l-31 ta' Marzu 2017.
Artikolu 3
L-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 relatati mal-ġestjoni tal-kwoti tariffarji għandhom japplikaw għall-ġestjoni tal-kwantità msemmija fl-Anness imsemmi.
Artikolu 4
1. L-awtoritajiet doganali ta' Curaçao għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jitwettqu l-kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.
2. Qabel it-tmiem tal-aħħar tax-xahar ta' kull perjodu ta' tliet xhur, l-awtoritajiet kompetenti ta' Curaçao għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni trimestrali tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati ta' moviment EUR.1 skont din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta' dawk iċ-ċertifikati.
3. Iċ-ċertifikati ta' moviment EUR.1 maħruġa skont din id-Deċiżjoni għandhom jinkludu waħda mill-indikazzjonijiet li ġejjin:
|
— |
“Derogation — [Commission Implementing Decision (UE) 2015/164]” |
|
— |
“Dérogation — [Décision d'exécution (UE) 2015/164 de la Commission]”. |
Artikolu 5
Qabel l-1 ta' Ottubru 2016, il-Gvern ta' Curaçao għandu jibgħat lill-Kummissjoni evidenza li turi li l-profitt iġġenerat mill-industrija permezz tad-deroga qed jintuża effettivament għal investiment f'makkinarju ġdid għall-produzzjoni ta' prodotti organiċi niexfa u li jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Frar 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/699/KE tad-9 ta' Settembru 2009 dwar deroga mir-regoli ta' oriġini kif imfissra fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE fejn jidħol iz-zokkor mill-Antilli Olandiżi (ĠU L 239, 10.9.2009, p. 55)
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/47/UE tal-20 ta' Jannar 2011 dwar deroga mir-regoli ta' oriġini kif imfissra fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE fir-rigward taz-zokkor mill-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi (ĠU L 21, 25.1.2011, p. 3)
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea”) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 11, Vol. 38, p. 319)
(5) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/460/UE tas-17 ta' Settembru 2013 li tirrifjuta li tagħti deroga mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE fejn jidħlu r-regoli tal-oriġini għaz-zokkor minn Curaçao (ĠU L 249, 19.9.2013, p. 6)
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).
ANNESS
|
Numru tal-ordni |
Kodiċi NM |
Isem il-prodotti |
Perjodi |
Kwantitajiet |
|
09.1960 |
1701 13 |
Zokkor mhux maħdum |
mill-1.4.2015 sal-31.3.2016 mill-1.4.2016 sal-31.3.2017 |
780 tunnellata 780 tunnellata |