|
31.1.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 26/31 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/158
tat-30 ta' Jannar 2015
dwar l-approvazzjoni ta' żewġ alternaturi ta' effiċjenza għolja Robert Bosch GmbH bħala t-teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-fornitur Robert Bosch GmbH (l-“Applikant”) ressaq dawn iż-żewġ applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tal-alternaturi ta' effiċjenza għolja Robert Bosch GmbH bħala teknoloġiji innovattivi fit-2 ta' Diċembru 2013 u fis-6 ta' Mejju 2014 rispettivament:
|
|
(2) |
Il-kompletezza ta' żewġ applikazzjonijiet ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 (2). Il-Kummissjoni sabet li fl-applikazzjoni oriġinali għat-teknoloġija innovattiva Nru 1 tħalliet barra ċerta informazzjoni rilevanti u talbet lill-Applikant biex jipprovdiha. L-Applikant ipprovda l-informazzjoni fis-6 ta' Mejju 2014. Instab li l-applikazzjoni kienet kompleta u l-perjodu għall-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-applikazzjonijiet beda l-għada tad-data tal-wasla uffiċjali tagħha, jiġifieri s-7 ta' Mejju 2014 fiż-żewġ każijiet. |
|
(3) |
Iż-żewġ applikazzjonijiet ġew ivvalutati skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 u skont il-Linji Gwida Tekniċi għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 (il-Linji Gwida Tekniċi) (3). |
|
(4) |
L-applikazzjoni Nru 1 tirreferi għall-alternatur ta' effiċjenza għolja Robert Bosch GmbH b'HED. L-alternatur ta' effiċjenza għolja b'HED juża disinni ottimizzati tal-komponenti u dijodi b'effiċjenza għolja. Minbarra t-teknoloġija ġdida tad-dijodi tal-HED, l-alternatur tal-Applikant huwa aktar effiċjenti meta mqabbel mal-alternatur ta' bażi minħabba l-karatteristiċi li ġejjin: it-tnaqqis tat-telf fil-ħadid permezz tal-ottimizzazzjoni tal-azzar u tal-laminazzjoni, l-ottimizzazzjoni tat-tul tal-ħadid u tas-sezzjoni trasversali tas-snien, l-ottimizzazzjoni tal-arja maqbuda bejn ir-rotor u l-istator u l-ottimizzazzjoni tal-kompartiment tal-poli tar-rotor bi struttura claw-pole, u l-ottimizzazzjoni tar-reżistenza ta' fażi. Għaldaqstant, din it-teknoloġija hija differenti mill-alternaturi ta' ġenerazzjoni effiċjenti l-oħrajn, approvati bħala ekoinnovazzjoni bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/341/UE (4) u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/465/UE (5). |
|
(5) |
L-applikazzjoni Nru 2 tirreferi għall-alternatur ta' effiċjenza għolja Robert Bosch GmbH b'SAR. L-alternatur ta' effiċjenza għolja b'SAR għandu effiċjenza ta' mill-inqas 78 %. Iż-żieda fl-effiċjenza prinċipali tinkiseb bl-introduzzjoni tar-rettifikazzjoni attiva bl-użu ta' MOSFET, jiġifieri b'użu ta' teknoloġija ta' tranżister semikonduttur ossidumetalliku b'effett tal-kamp. Barra minn hekk, l-alternatur ta' effiċjenza għolja b'SAR tal-Applikant huwa aktar effiċjenti meta mqabbel mal-alternatur ta' bażi minħabba l-karatteristiċi li ġejjin: it-tnaqqis tat-telf fil-ħadid permezz tal-ottimizzazzjoni tal-azzar u tal-laminazzjoni, l-ottimizzazzjoni tat-tul tal-ħadid u tas-sezzjoni trasversali tas-snien, l-ottimizzazzjoni tal-arja maqbuda bejn ir-rotor u l-istator u l-ottimizzazzjoni tal-kompartiment tal-poli tar-rotor bi struttura claw-pole, u l-ottimizzazzjoni tar-reżistenza ta' fażi. Għaldaqstant, din it-teknoloġija hija differenti mill-alternaturi ta' ġenerazzjoni effiċjenti l-oħrajn, approvati bħala ekoinnovazzjoni bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/341/UE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/465/UE, u mill-alternatur ta' effiċjenza għolja b'HED skont l-applikazzjoni Nru 1. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni ssib li l-informazzjoni pprovduta fiż-żewġ applikazzjonijiet turi li l-kundizzjonijiet u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 u fl-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 intlaħqu. |
|
(7) |
L-Applikant wera li ż-żewġ alternaturi ta' effiċjenza għolja tat-tip deskritt f'din l-applikazzjoni ma kinux jaqbżu t-3 % tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri rreġistrati fis-sena ta' referenza 2009. |
|
(8) |
Sabiex jiġi ddeterminat l-iffrankar ta' CO2 li t-teknoloġija innovattiva se tagħti meta vettura tiġi mgħammra biha, jinħtieġ li tiġi ddefinita l-vettura ta' referenza li magħha se tiġi mqabbla l-effiċjenza tal-vettura mgħammra bit-teknoloġija innovattiva, kif previst fl-Artikoli 5 u 8 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011. Il-Kummissjoni ssib li jixraq li alternatur b'effiċjenza ta' 67 % jitqies bħala teknoloġija ta' referenza xierqa fil-każ li t-teknoloġija innovattiva tiġi installata fuq tip ta' vettura ġdida. Meta l-alternaturi effiċjenti Robert Bosch GmbH jiġu installati fuq tip ta' vettura eżistenti, it-teknoloġija ta' referenza għandha tkun l-alternatur tal-verżjoni l-aktar reċenti ta' dak it-tip imqiegħed fis-suq. |
|
(9) |
Fiż-żewġ applikazzjonijiet l-Applikant ipprovda metodoloġija għall-ittestjar tat-tnaqqis tas-CO2 li tinkludi formuli li huma konsistenti mal-formuli deskritti fil-Linji Gwida Tekniċi għall-metodu ssimplifikat fir-rigward tal-alternaturi effiċjenti. Il-Kummissjon tqis li l-metodoloġija tal-ittestjar se tipprovdi riżultati tal-ittestjar li huma verifikabbli, ripetibbli u komparabbli u li hija kapaċi turi b'mod realistiku l-benefiċċji rigward l-emissjonijiet tas-CO2 tat-teknoloġija innovattiva b'sinifikat statistiku b'saħħtu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-metodoloġija tal-ittestjar u l-formuli użati mill-Applikant għall-kalkolu tal-iffrankar tas-CO2 fiż-żewġ każijiet huma identiċi fl-aspetti kollha mal-metodoloġija speċifikata fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/341/UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-metodoloġija speċifikata fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/341/UE għandha tintuża biex jiġi ddeterminat it-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 dovut għall-użu tal-alternatur ta' effiċjenza għolja b'HED Robert Bosch GmbH u tal-alternatur b'effiċjenza għolja b'SAR Robert Bosch GmbH. |
|
(11) |
Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni ssib li l-Applikant wera b'mod sodisfaċenti li t-tnaqqis fl-emissjonijiet miksub permezz tat-teknoloġija innovattiva huwa tal-anqas 1 g CO2/km. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-iffrankar taż-żewġ teknoloġiji innovattivi jista' jintwera parzjalment permezz taċ-ċiklu tat-test standard, u li l-iffrankar totali finali li jrid jiġi ċċertifikat għandu għalhekk jiġi ddeterminat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni ssib li fiż-żewġ każijiet, ir-rapport ta' verifika tħejja mit-TÜV SÜD Industrie Service GmbH, li huwa korp indipendenti u ċċertifikat, u li r-rapport jappoġġa s-sejbiet stabbiliti fl-applikazzjonijiet. |
|
(14) |
Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni ma ssib l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-approvazzjoni taż-żewġ teknoloġiji innovattivi inkwistjoni. |
|
(15) |
Bl-għan li jiġi ddeterminat il-kodiċi tal-ekoinnovazzjoni ġenerali li jrid jintuża fid-dokumenti tal-approvazzjoni tat-tip rilevanti skont l-Annessi I, VIII u IX tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għandhom jiġu speċifikati l-kodiċijiet individwali li jridu jintużaw għat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni. |
|
(16) |
Kwalunkwe manifattur li jixtieq jibbenefika minn tnaqqis tal-emissjonijiet medji speċifiċi tas-CO2 tiegħu sabiex jilħaq il-mira ta' emissjonijiet speċifiċi tiegħu permezz tal-iffrankar tas-CO2 bl-użu tat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, għandu, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, jirreferi għal din id-Deċiżjoni fl-applikazzjoni tiegħu għal ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip KE għall-vetturi kkonċernati, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-alternatur ta' effiċjenza għolja Robert Bosch GmbH b'dijodi b'effiċjenza għolja (HED) u maħsub għall-użu f'vetturi M1, huwa approvat bħala teknoloġija innovattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.
2. L-alternatur ta' effiċjenza għolja Robert Bosch GmbH b'rettifikazzjoni attiva sinkronika (SAR) li jkollu effiċjenza ta' mill-inqas 78 fil-mija u maħsub għall-użu f'vetturi M1, huwa approvat bħala teknoloġija innovattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.
3. It-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 bl-użu taż-żewġ alternaturi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun iddeterminat bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/341/UE.
4. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 iddeterminat skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, jista' jiġi ċċertifikat u jiddaħħal fiċ-ċertifikat ta' konformità u fid-dokumentazzjoni rilevanti tal-approvazzjoni tat-tip speċifikati fl-Annessi I, VIII u IX tad-Direttiva 2007/46/KE biss meta t-tnaqqis ikun daqs jew aktar mil-livell limitu speċifikat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011.
5. Il-kodiċi individwali tal-ekoinnovazzjoni li għandu jiddaħħal fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip li għandha tintuża għat-teknoloġiji innovattivi approvati permezz ta' din id-Deċiżjoni, għandu jkun kif ġej:
|
(1) |
“8” għal alternatur ta' effiċjenza għolja b'dijodi b'effiċjenza għolja, |
|
(2) |
“9” għal alternatur ta' effiċjenza għolja b'rettifikazzjoni attiva sinkronika. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Jannar 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 tal-25 ta' Lulju 2011 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 194, 26.7.2011, p. 19).
(3) http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/cars/docs/guidelines_en.pdf
(4) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/341/UE tas-27 ta' Ġunju 2013 dwar l-approvazzjoni tal-Alternatur ta' Ġenerazzjoni Effiċjenti Valeo bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 179, 29.6.2013, p. 98).
(5) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/465/UE tas-16 ta' Lulju 2014 dwar l-approvazzjoni tal-alternatur effiċjenti DENSO bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/341/UE (ĠU L 210, 17.7.2014, p. 17).
(6) Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi ( Direttiva Kwadru ) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).