|
20.1.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 13/7 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/77
tad-19 ta' Jannar 2015
li taħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 31(2) u 33 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-18 ta' Lulju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/426/PESK (1) li taħtar lis-Sur Peter SØRENSEN bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Bosnja-Ħerzegovina. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2015. |
|
(2) |
Wara l-ħatra tas-Sur Peter SØRENSEN għal funzjoni oħra, is-Sur Lars-Gunnar WIGEMARK għandu jiġi maħtur bħala r-RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina mill-1 ta' Marzu 2015. |
|
(3) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJON:
Artikolu 1
1. Il-mandat tas-Sur Peter SØRENSEN bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Bosnja-Ħerzegovina b'dan qiegħed jintemm fil-31 ta' Ottubru 2014.
2. Is-Sur Lars-Gunnar WIGEMARK huwa b'dan maħtur RSUE fil-Bosnja-Ħerzegovina mill-1 ta' Marzu 2015 sat-30 ta' Ġunju 2015. Huwa għandu jeżerċita l-mandat tiegħu skont id-Deċiżjoni 2011/426/PESK.
3. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u proposta mir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina.
Artikolu 2
In-nefqa marbuta maż-żamma tal-kontinwità amministrattiva fil-perijodu bejn il-mandati tar-RSUE mill-1 ta' Novembru 2014 sat-28 ta' Frar 2015 għandha tkun koperta mill-ammont ta' referenza finanzjarju stipulat fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2011/426/PESK.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
L-Artikolu 2 għandu japplika mill-1 ta' Novembru 2014.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Jannar 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/426/PESK tat-18 ta' Lulju 2011 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina (ĠU L 188, 19.7.2011, p. 30).