7.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/61


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/16

tas-6 ta' Jannar 2015

dwar il-pubblikazzjoni b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard EN 1870-17:2012 dwar magni tas-serrar trasversali manwali bi qtugħ orizzontali b'unità ta' serrar waħda skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

Billi:

(1)

Meta standard nazzjonali li jittrasponi standard armonizzat, li r-referenza tiegħu tkun ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikopri wieħed jew aktar mir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, il-magna mibnija skont dan l-istandard titqies li tissodisfa r-rekwiżiti essenzjali kkonċernati.

(2)

F'Mejju 2013, Franza ressqet oġġezzjoni formali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/42/KE fir-rigward tal-istandard EN 1870-17:2012 “Sigurtà tal-magni għax-xogħol tal-injam — Magni tas-serrar bix-xafra tonda — Parti 17: Magni tas-serrar trasversali manwali bi qtugħ orizzontali b'unità ta' serrar waħda (srieraq bi driegħ radjali)”, propost mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) biex jiġi armonizzat skont id-Direttiva 2006/42/KE.

(3)

L-oġġezzjoni formali hija bbażata fuq in-nuqqas fid-dispożizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 tal-klawżola 5.3.6.1 Guarding of the saw blade (Mezz ta' lqugħ tax-xafra tas-sega) tal-istandard li tgħid li l-ilqugħ jista' jkun fiss jew mobbli bla ma jindika meta jkun meħtieġ wieħed jew l-ieħor kull wieħed minnhom ikun meħtieġ, u dan meta dawn iż-żewġ kategoriji tal-apparati għandhom natura differenti u joffru livelli ta' sigurtà differenti li jikkorrispondu għal tipi differenti ta' analiżi tal-perikli.

(4)

Wara li eżaminat l-istandard EN 1870-17:2012 flimkien mar-rappreżentanti tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2006/42/KE, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istandard ma jissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà previsti fil-punt 1.4.2 “Rekwiżiti speċjali għall-mezzi ta' lqugħ” tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, peress li tippermetti lid-disinjatur il-possibbiltà li jinstalla mezzi ta' lqugħ li joffru livelli differenti ta' sigurtà mingħajr ma jirreferi għal analiżi tal-perikli.

(5)

L-inklużjoni ta' opzjonijiet fi standard armonizzat, li waħda minnhom ma tkunx konformi mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti tas-saħħa u s-sigurtà tad-Direttiva 2006/42/KE, tista' toħloq konfużjoni fir-rigward tal-preżunzjoni ta' konformità mogħtija mill-applikazzjoni tal-istandard.

(6)

Filwaqt li titqies il-ħtieġa li jittejbu l-aspetti tas-sigurtà tal-istandard EN 1870-17:2012 u sakemm isseħħ reviżjoni xierqa ta' dak l-istandard, il-pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard EN 1870-17:2012 għandha tkun akkumpanjata bi twissija xierqa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenza tal-istandard EN 1870-17:2012 “Sigurtà tal-magni għax-xogħol tal-injam — Magni tas-serrar bix-xafra tonda — Parti 17: Magni tas-serrar trasversali manwali bi qtugħ orizzontali b'unità ta' serrar waħda (srieraq bi driegħ radjali)” għandha tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b'restrizzjoni kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.

(2)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.


ANNESS

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI FIL-QAFAS TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2006/42/KE

(Pubblikazzjoni ta' titli u referenzi ta' standards armonizzati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni)

ESO (1)

Referenza u titlu tal-istandard armonizzat

(u d-dokument ta' referenza)

L-ewwel pubblikazzjoni fil-ĠU

Referenza tal-istandard sostitwit

Data tat-tmiem tal-preżunzjoni ta' konformità tal-istandard sostitwit

Nota 1

CEN

EN 1870-17:2012

Sigurtà tal-magni għax-xogħol tal-injam — Magni tas-serrar bix-xafra tonda — Parti 17: Magni tas-serrar trasversali manwali bi qtugħ orizzontali b'unità ta' serrar waħda (srieraq bi driegħ radjali)

Din hija l-ewwel pubblikazzjoni

EN 1870-17:2007+A2:2009

Nota 2

Id-data tal-pubblikazzjoni

Twissija: Fir-rigward l-għażla ta' mezzi ta' lqugħ tax-xafra tas-sega, din il-pubblikazzjoni ma tikkonċernax il-paragrafu 3 tal-klawżola 5.3.6.1 ta' dan l-istandard, li l-applikazzjoni tiegħu ma tagħtix preżunzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà previsti fil-punt 1.4.2 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE.

Nota 1:

Ġeneralment id-data li fiha tintemm il-preżunzjoni ta' konformità tkun id-data tar-revoka (“dow”), stabbilita mill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni, iżda l-utenti għandhom jinnotaw li f'ċerti każijiet eċċezzjonali dan jista' jkun mod ieħor.

Nota 2:

L-istandard il-ġdid (jew emendat) għandu l-istess kamp ta' applikazzjoni bħall-istandard sostitwit. Fid-data speċifikata, l-istandard sostitwit ma jibqax jagħti preżunżjoni ta' konformità mar-rekwiżiti essenzjali jew rekwiżiti oħra fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.


(1)  ESO: Organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni:

CEN: Avenue Marnix 17, B-1000, Brussell, Tel.+32 2 5500811; fax + 32 2 5500819 (http://www.cen.eu)