7.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/59


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/15

tal-5 ta' Jannar 2015

dwar miżura meħuda mill-Finlandja f'konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-apparat għall-protezzjoni tar-ras “Ribcap”

(notifikata bid-dokument C(2014) 10114)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha,

Billi:

(1)

F'Ġunju 2014, l-awtoritajiet Finlandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni b'miżura ta' projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-apparat għall-protezzjoni tar-ras immanifatturat minn Ribcap AG, Berbegraben 4, CH- 3110 Münsingen (l-Isvizzera). Il-prodotti, imsejħa “Ribcap”, kellhom il-marka KE, skont id-Direttiva 89/686/KEE dwar l-apparat personali protettiv.

(2)

Il-prodotti huma kkummerċjalizzati bħala apparat għall-protezzjoni tar-ras PPE tal-kategorija I, li fost l-oħrajn jintuża għall-iskejzjar fis-silġ u għall-iskijjar.

(3)

Skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 89/686/KEE, eżami tat-tip KE ma għandux ikun meħtieġ fil-każ tal-mudelli PPE li jkollhom disinn sempliċi (Kategorija I) meta d-disinjatur jassumi li min jużah jista' jivvaluta hu stess il-livell ta' protezzjoni kontra r-riskji minimi kkonċernati li l-effetti tagħhom, meta jkunu gradwali, jistgħu jkunu identifikati b'mod sigur minn min jużahom fi żmien adegwat.

(4)

Il-prodott huwa impurtat u mqassam minn Brandsense Oy/Classic Bike Finland, Mechelininkatu 15, FI-00100 Helsinki (il-Finlandja). Skont il-websajt tagħha, il-kumpanija timporta u tikkummerċjalizza roti.

(5)

Il-websajt tal-importatur fiha links għall-fuljett tar-Ribcap magħmula mill-manifattur u għal ċertifikat tar-Ribcap ibbażat fuq testijiet fuq il-prodott li saru mill-Università ta' Strasburgu, li juru li Ribcap jipprevjeni korrimenti fir-ras; il-kliem “Sigurtà ċċertifikata” huma preżenti fl-imballaġġ u l-materjal ta' kummerċjalizzazzjoni. Il-kliem “Sigurtà ċċertifikata” jista' jagħti l-impressjoni li fuq il-prodott twettaq eżami tat-tip KE minn korp notifikat, filwaqt li l-Università ta' Strasburgu mhijiex korp notifikat.

(6)

Skont ma hemm miktub fil-fuljett promozzjonali, Ribcap jipproteġi r-ras waqt impatt. Mill-fuljett, il-konsumaturi jistgħu jieħdu l-impressjoni li l-prodotti huma adattati biex jintużaw għal tipi varji ta' sport u bħala protezzjoni għar-ras — ara, pereżempju, “Ribcap hija l-għata għall-protezzjoni tar-ras komda, ħafifa u effettiva li nuża meta nagħmel xi sport”. Anke jekk fuq l-imballaġġ tal-prodott jidhru l-kliem “No protective effect like helmet”, dawn l-istqarrijiet jagħtu xbieha qarrieqa tal-karatteristiċi ta' sigurtà tal-prodott u l-konsumatur jieħu l-impressjoni li l-prodotti jipproteġu kontra riskji mhux minimi.

(7)

Skont il-gwida ta' kategorizzazzjoni inkluża fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 89/686/KEE, l-elmi kollha, inklużi l-elmi tal-isport huma PPE tal-Kategorija II, u għalhekk, huma soġġetti għal eżami tat-tip KE minn korp notifikat.

(8)

Il-prodotti mhumiex akkumpanjati minn struzzjonijiet għall-utent bil-Finlandiż u l-Isvediż, il-lingwi uffiċjali tal-Finlandja.

(9)

Fl-opinjoni tal-awtoritajiet Finlandiżi, minħabba li l-prodotti mhumiex akkumpanjati minn struzzjonijiet għall-utent li jiddeskrivu f'liema sitwazzjonijiet huma intenzjonati li jintużaw jew liema huma l-limiti tal-użu, il-prodotti jistgħu jagħtu sens ta' sigurtà falz u jiżgwidaw lill-konsumatur biex jemmen li prodotti bħal dawn għandhom l-istess kwalitajiet protettivi bħal elmu (PPE Kat. II).

(10)

Id-dikjarazzjoni ta' konformità mħejjija mill-manifattur ntbagħtet mid-distributur lill-awtoritajiet Finlandiżi; dikjarazzjoni bħal din mhix magħmula skont il-mudell mogħti fl-Anness VI tad-Direttiva 89/686/KEE.

(11)

Il-Kummissjoni kitbet lill-manifattur u lid-distributur fil-Finlandja u stednithom jibagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Finlandiżi. Fit-tweġiba tiegħu, il-manifattur afferma mill-ġdid il-fehma tiegħu li Ribcap mhuwiex elmu iżda pjuttost kappell tas-suf bi protetturi, li għandu jiġi kklassifikat bħala PPE tal-kategorija I skont id-Direttiva 89/686/KEE. Il-manifattur ammetta li l-użu tal-kliem “sigurtà ċċertifikata” jista' forsi jkun ta' tfixkil u mhuwiex adattat.

(12)

Mat-tweġiba tiegħu, il-manifattur hemeż rapport maħruġ mill-Awtoritajiet Svizzeri. Fir-rapport tissemma ittra mingħand l-Awtoritajiet Svizzeri lil Ribcap, fejn fost affarijiet oħra, huma jitolbu li “il-prodott ma jistax jibqa' jiġi reklamat b'tali mod li jagħti l-impressjoni li se jipproteġi r-ras minn korriment f'każ ta' waqgħa esperjenzata waqt il-moviment bl-użu ta' tagħmir bħal skis, snowbord, rota, eċċ.”. Id-deskrizzjoni tal-prodott aġġornata, flimkien ma' twissija estensiva, ippermettiet lil Ribcap jikkumerċjalizza l-prodotti tiegħu bħala “kpiepel bi protetturi meħjuta fihom”, PPE tal-Kategorija I.

(13)

La d-deskrizzjoni tal-prodott u lanqas it-twissija għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fil-Finlandja ma jidhru li huma konformi mar-rekwiżiti meħtieġa għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti bħala PPE tal-Kategorija I, minħabba li fid-deskrizzjoni l-prodotti huma kkummerċjalizzati bħala apparat għall-protezzjoni tar-ras għall-iskejzjar fis-silġ, l-iskijjar u attivitajiet oħrajn fil-beraħ.

(14)

Fid-dawl tad-dokumentazzjoni disponibbli u l-kummenti espressi mill-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tqis li l-apparat għall-protezzjoni tar-ras “Ribcap” naqas milli jikkonforma mar-rekwiżiti bażiċi tas-saħħa u tas-sigurtà 1.1.2 Livelli u gruppi ta' protezzjoni, 1.4 Informazzjoni mogħtija mill-manifattur u 3.1.1 Impatt ikkawżat minn oġġetti li jaqgħu jew ħerġin 'il barra u ħbit ta' partijiet tal-ġisem ma' xi xkiel.,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Finlandiżi, li tikkonsisti fi projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta' apparat għall-protezzjoni tar-ras “Ribcap” immanifatturat minn Ribcap AG, hija ġġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18.