2.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/1


DEĊIŻJONI (UE) 2015/509 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta' Frar 2015

li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2013/6 dwar ir-regoli fuq l-użu bħala kollateral ta' bonds tal-bank skoperti għall-użu proprju ggarantiti mill-gvern għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, id-Deċiżjoni BĊE/2013/35 dwar miżuri addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/23 dwar ir-remunerazzjoni ta' depożiti, bilanċi u holdings ta' eċċess ta' riżervi (BĊE/2015/9)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-interessi taċ-ċarezza u l-konsistenza u bil-għan li jiġi ssimplifikat il-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema, l-obbligi stabbiliti fid-Deċiżjonijiet BĊE/2013/6 (1) u BĊE/2013/35 (2) u fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/23 (3) ġew inklużi fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (4), li huwa l-att legali ewlieni dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(2)

Fl-interessi taċ-ċarezza u l-konsistenza, u bil-għan li jiġi ssimplifikat il-qafas legali tal-Eurosistema, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Deċìżjoni BĊE/2014/23 ġew inkorporati fil-Linja Gwida BĊE/2012/27 (5) u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/23 ġew inkorporati fil-Linja Gwida BĊE/2014/9 (6).

(3)

Id-Deċiżjonijiet BĊE/2013/6 u BĊE/2013/35, u l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/23 għalhekk għandhom jiġu mħassra,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Tħassir tad-Deċiżjonijiet BĊE/2013/6 u BĊE/2013/35 u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/23

1.   Id-Deċiżjonijiet BĊE/2013/6 u BĊE/2013/35 qed jiġu rrevokati.

2.   L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/23 qed jiġi rrevokat.

3.   Referenzi għad-Deċiżjonijiet u l-Artikolu mħassra msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jinftehmu bħala referenzi għal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60).

Artikolu 2

Tħassir tal-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/23

1.   L-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/23 qed jiġu rrevokati.

2.   Ir-referenzi għall-Artikolu 3 imħassar tad-Deċiżjoni BĊE/2014/23 għandhom jinftehmu bħala referenzi għall-Artikolu 12(5) tal-Anness II tal-Linja Gwida BĊE/2012/27.

3.   Ir-referenzi għall-Artikolu 4 imħassar tad-Deċiżjoni BĊE/2014/23 għandhom jinftehmu bħala referenzi għall-Artikolu 5(2) u (3) tal-Linja Gwida BĊE/2014/9.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2015.

2.   L-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta' Frar 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Deċiżjoni BĊE/2013/6 tal-20 ta' Marzu 2013 dwar ir-regoli fuq l-użu bħala kollateral ta' bonds tal-bank skoperti għall-użu proprju ggarantiti mill-gvern għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema (ĠU L 95, 5.4.2013, p. 22).

(2)  Deċiżjoni BĊE/2013/35 tas-26 ta' Settembru 2013 dwar miżuri addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (ĠU L 301, 12.11.2013, p. 6).

(3)  Deċiżjoni BĊE/2014/23 tal-5 ta' Ġunju 2014 dwar ir-remunerazzjoni ta' depożiti, bilanċi u holdings ta' eċċess ta' riżervi (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 115).

(4)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal- Eurosistema (BĊE/2014/60) (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Linja Gwida BĊE/2012/27 tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (ĠU L 30, 30.1.2013, p. 1).

(6)  Linja Gwida BĊE/2014/9 tal-20 ta' Frar 2014 dwar operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiku mill-banek ċentrali nazzjonali (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 56).