25.6.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 209/1 |
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-24 ta’ Ġunju 2015
dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li joriġina mill-Impjant Lokali tat-Trattament tal-Ħama ta’ Sellafield fir-Renju Unit
(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(2015/C 209/01)
Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Euratom, bla ħsara għal kwalunkwe valutazzjoni oħra li għandha titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-obbligi li joħorġu minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (1).
Fit-18 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern tar-Renju Unit, f’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, id-Dejta Ġenerali relatata mal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li joriġina mill-Impjant Lokali tat-Trattament tal-Ħama ta’ Sellafield.
Abbażi ta’ din id-dejta u t-tagħrif addizzjonali mitlub mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Marzu 2015 u li taw l-awtoritajiet tar-Renju Unit fis-7 ta’ April 2015, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:
1. |
Id-distanza mis-sit sal-eqreb fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ l-Irlanda, hija ta’ 180 km. |
2. |
Fil-kundizzjonijiet operazzjonali normali, il-ħruġ ta’ effluwenti gassużi u likwidi radjuattivi mhux qed jitqiesu li jistgħu jikkawżaw esponiment sinifikanti għall-popolazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor mil-lat ta’ saħħa b’rabta mal-limitu tad-doża stabbilit fl-Istandards Bażiċi ta’ Sikurezza ġodda (id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom (2)). |
3. |
L-iskart radjuattiv solidu sekondarju jinħażen temporanjament fis-sit qabel ma jiġi ttrasportat lejn faċilitajiet awtorizzati tar-rimi fir-Renju Unit. |
4. |
Fil-każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jseħħu wara xi inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li aktarx jaslu għand il-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor ma jkunux sinifikanti mil-lat tas-saħħa, b’rabta mal-livelli ta’ referenza stabbiliti fl-Istandards Bażiċi ta’ Sikurezza ġodda (id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom). |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv fi kwalunkwe għamla li joriġina mill-Impjant Lokali tat-Trattament tal-Ħama ta’ Sellafield fir-Renju Unit, kemm waqt it-tħaddim normali kif ukoll fil-każ ta’ aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, x’aktarx li ma jirriżultax f’kontaminazzjoni radjuattiva, li tkun sinifikanti mil-lati tas-saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Istandards Bażiċi ta’ Sikurezza ġodda (id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom).
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ġunju 2015.
Għall-Kummissjoni
Miguel ARIAS CAÑETE
Membru tal-Kummissjoni
(1) Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali għandhom jiġu vvalutati f’aktar dettall. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa u d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).