30.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 370/42


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1397/2014

tat-22 ta' Ottubru 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 318/2013 li jadotta l-programm ta' moduli ad hoc, li jkopri s-snin mill-2016 sal-2018, għall-istħarriġ permezz ta' kampjun dwar il-forza tax-xogħol previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 tad-9 ta' Marzu 1998 dwar l-organizzazzjoni ta' stħarriġ ta' kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7a(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 318/2013 (2) adotta l-programm ta' moduli ad hoc għall-istħarriġ kampjun dwar il-forza tax-xogħol għall-perjodu 2016 sa 2018. Dan jiddefinixxi s-suġġett, il-perjodu ta' referenza, id-daqs tal-kampjun u l-iskadenza biex jintbagħtu r-riżultati għal kull modulu.

(2)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 545/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), dak il-programm jiddefinixxi wkoll il-lista u d-deskrizzjoni tal-qasam ta' informazzjoni speċjalizzata għal kull wieħed mill-moduli ad hoc (“is-sottomoduli ad hoc”).

(3)

Sabiex jiġi żgurat li r-Regolament (UE) Nru 318/2013 ikun konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 577/98 kif emendat, l-ismijiet u deskrizzjoni ta' kull wieħed mis-sottomoduli ad hoc għandhom jiġu miżjuda mar-Regolament preċedenti.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 318/2013 għandu għaldaqstant jiġi emendat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness mar-Regolament (UE) Nru 318/2013 hu ssostitwit bit-test li jinsab fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 77, 14.3.1998, p. 3.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 318/2013 tat-8 ta' April 2013 li jadotta l-programm ta' moduli ad hoc, li jkopri s-snin mill-2016 sal-2018, għall-istħarriġ permezz ta' kampjun dwar il-forza tax-xogħol previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 (ĠU L 99, 9.4.2013, p. 11).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 545/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 dwar l-organizzazzjoni ta' stħarriġ ta' kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità (ĠU L 163, 29.5.2014, p. 10).


ANNESS

“ANNESS

STĦARRIĠ DWAR IL-FORZA TAX-XOGĦOL

Programm fuq firxa ta' snin ta' moduli ad hoc.

1.   IŻ-ŻGĦAŻAGĦ FIS-SUQ TAX-XOGĦOL

Perjodu ta' referenza: 2016

Sottomoduli (oqsma li dwarhom għandha tiġi pprovduta informazzjoni aktar dettaljata):

 

Is-sottomodulu 1: Sfond edukattiv

Għan: li jiġu pprovduti aktar dettalji dwar l-isfond edukattiv taż-żgħażagħ, filwaqt li jiġu identifikati aspetti li x'aktarx jinfluwenzaw il-prospetti tagħhom fir-rigward tal-karriera.

 

Is-sottomodulu 2: It-tiftix għal impjieg

Għan: il-ġbir ta' informazzjoni dwar l-approċċ personali u individwali taż-żgħażagħ biex isibu impjieg, u dwar l-għajnuna li jingħataw biex isibu impjieg; l-evalwazzjoni tal-perċezzjonijiet personali taż-żgħażagħ dwar jekk il-livell ta' edukazzjoni tagħhom jissodisfax dak li xogħolhom jitlob minnhom.

2.   IMPJIEG INDIPENDENTI

Perjodu ta' referenza: 2017

Sottomoduli (oqsma li dwarhom għandha tiġi pprovduta informazzjoni aktar dettaljata):

 

Is-sottomodulu 1: Impjieg indipendenti, iżda dipendenti f'livell ekonomiku

Għan: li tiġi identifikata l-popolazzjoni ta' persuni b'impjieg indipendenti, iżda li huma wkoll dipendenti f'livell ekonomiku. Dan il-grupp għandu karatteristiki li huma komuni kemm mal-impjegati kif ukoll ma' dawk li jaħdmu għal rashom, u għaldaqstant għandu status professjonali ambivalenti.

 

Is-sottomodulu 2: Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni b'impjieg indipendenti

Għan: li jiġu analizzati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni b'impjieg indipendenti u r-raġunijiet ewlenin tagħhom għaliex bdew jaħdmu għal rashom.

 

Is-sottomodulu 3: Il-persuni b'impjieg indipendenti u l-impjegati

Għan: li jsir tqabbil bejn l-attitudnijiet u l-prospetti tal-persuni b'impjieg indipendenti ma' dawk tal-impjegati, eż. il-livell ta' sodisfazzjon bl-impjieg.

3.   RIKONĊILJAZZJONI BEJN IX-XOGĦOL U L-ĦAJJA TAL-FAMILJA

Perjodu ta' referenza: 2018

Sottomoduli (oqsma li dwarhom għandha tiġi pprovduta aktar informazzjoni):

 

Is-sottomodulu 1: Responsabbiltajiet relatati mal-indukrar

Għan: li jiġi stabbilit sa liema punt id-disponibbiltà ta' servizzi xierqa għall-indukrar tat-tfal u ta' persuni dipendenti oħra tinfluwenza l-parteċipazzjoni tan-nies fil-forza tax-xogħol.

 

Is-sottomodulu 2: Il-flessibbiltà tal-arranġamenti tax-xogħol”

Għan: li jiġi analizzat il-grad ta' flessibbiltà offrut fuq ix-xogħol, mill-perspettiva ta' rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol mal-ħajja tal-familja.

 

Is-sottomodulu 3: Waqfiet fil-karriera u liv tal-ġenituri.

Għan: li jiġu identifikati waqfiet fil-karriera biex wieħed jieħu ħsieb it-tfal jew persuni dipendenti oħra, b'mod partikolari l-liv tal-ġenituri, u li jiġi analizzat it-tul ta' dawn il-waqfiet fil-karriera.