30.12.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 370/31 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1394/2014
tal-20 ta' Ottubru 2014
li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd għal ħut pelaġiku fl-ilmijiet tal-Lbiċ
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) and (3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina progressivament ir-rimi fis-sajd kollha fl-Unjoni permezz tal-introduzzjoni tal-obbligu tal-ħatt għal qabdiet ta' speċi soġġetti għal limiti ta' qabdiet. |
(2) |
L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta pjanijiet għar-rimi permezz ta' atti delegati għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin fuq il-bażi ta' rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti. |
(3) |
Il-Belġju, Spanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall għandhom interess dirett l-immaniġġjar tas-sajd fl-ilmijiet tal-Lbiċ. Dawk l-Istati Membri ssottomettew rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni li fiha miżuri speċifiċi, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv Pelaġiku, il-Kunsill Konsultattiv għal Distanza Twila u mal-Kunsill Konsultattiv dwar l-ilmijiet tal-Lbiċ. Il-kontribut xjentifiku nkiseb minn korpi xjentifiċi rilevanti. Il-miżuri inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta huma konformi mal-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għalhekk, skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandhom jiġu inklużi f'dan ir-Regolament. |
(4) |
Fir-rigward tal-ilmijiet tal-Lbiċ, skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu tal-ħatt għandu japplika għall-bastimenti kollha involuti f'sajd għal ħut pelaġiku żgħir u kbir fir-rigward ta' speċijiet maqbuda f'dak is-sajd, li huwa soġġett għal limitu ta' qbid mill-inqas mill-1 ta' Jannar 2015. |
(5) |
Skont ir-rakkomandazzjoni konġunta, il-pjan għar-rimi għandu jkopri ċertu sajd għal ħut pelaġiku żgħir u kbir, jiġifieri s-sajd għas-sawrell, kavalli, sprat, inċova, alongi, u kavalli ż-żgħar f'żoni VIII, IX u X tal-ICES u f'żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.0 tas-CECAF mill-1 ta' Jannar 2015. |
(6) |
Ir-rakkomandazzjoni konġunta tinkludi eżenzjoni mill-obbligu tal-ħatt għall-inċova, sawrell, kavalli ż-żgħar u kavalli maqbuda f'sajd bil-purse seine fiż-żoni VIII, IX u X tal-ICES u ż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2 tas-CECAF, abbażi ta' evidenza xjentifika ta' sopravvivenza għolja, skont l-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. L-evidenza xjentifika li tappoġġja s-sopravviveza għolja kienet mogħtija fir-Rakkomandazzjoni Konġunta, li għamlet referenza għal studju xjentifiku speċifiku dwar is-sopravvivenza tal-ħut li jaħrab waqt sajd bil-purse seine fl-ilmijiet Ewropej tal-Lbiċ. L-istudju sab li r-rati ta' sopravvivenza jiddependu fuq il-“crowding time” u d-densità tal-ħut fix-xibka, li huma normalment limitati f'dan is-sajd. Din l-informazzjoni ġiet riveduta mill-STECF (fit-tieni laqgħa plenarja tiegħu fl-2014). L-STECF ikkonkluda li, jekk wieħed jassumi li r-riżultati tal-istudju dwar is-sopravvivenza huma rappreżentatattivi tar-rati ta' sopravvivenza f'attivitajiet ta' sajd kummerċjali, il-proporzjon ta' sopravvivenza ta' ħut maħrub probabbilment ikun ogħla minn 50 %. Il-projbizzjoni tar-rilaxx tal-kavalli u l-aringi qabel ma x-xibka tittella' kollha abbord il-bastiment tas-sajd, li tirriżulta fit-telf ta' ħut mejjet jew li jkun qed imut, hija stabbilita fl-Artikolu 19(b)(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 (2). Din l-eżenzjoni ta' sopravvivenza ma taffettwax il-projbizzjoni fis-seħħ, minħabba li r-rilaxx tal-ħut se jseħħ fi stadju tal-operazzjoni tas-sajd meta l-ħut ikollhom rata għolja ta' sopravvivenza wara r-rilaxx. Għalhekk din l-eżenzjoni għandha tkun inkluża f'dan ir-Regolament. |
(7) |
Ir-rakkomandazzjoni konġunta tinkludi wkoll erba' eżenzjonijiet de minimis mill-obbligu tal-ħatt għal xi sajd u sa xi livelli. L-evidenza mogħtija mill-Istati Membri kienet riveduta mill-STECF, li kkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet konġunti kienu jinkludu argumenti raġunati relatati maż-żieda fl-ispejjeż fil-maniġġ ta' qabdiet mhux mixtieqa, appoġġjati f'xi każijiet minn valutazzjoni kwalitattiva tal-ispejjeż. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' informazzjoni xjentifika differenti, huwa xieraq li jkunu stabbiliti eżenzjonijiet de minimis skont il-livell ta' perċentwal propost fir-rakkomandazzjoni konġunta u f'livelli li ma jaqbżux dawk permessi skont l-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. |
(8) |
L-eżenzjoni de minimis għal stokkafixx (Micromesistius poutassou), sa massimu ta' 7 % fl-2015 u l-2016, u 6 % fl-2017, tal-qabdiet totali annwali tas-sajd għal ħut pelaġiku bit-tkarkir immirat għal dawk l-ispeċi fiż-żona VIII tal-ICES u l-ipproċessar ta' dawk l-ispeċi biex tinkiseb bażi ta' surimi, hija bbażata fuq il-fatt li ż-żieda fis-selettività ma tistax tinkiseb, u li l-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-qabdiet mhux mixtieqa huma sproporzjonati. L-STECF ikkonkluda li hemm biżżejjed argumenti tajbin dwar l-eżenzjoni. Għalhekk, l-eżenzjoni kkonċernata għandha tkun inkluża f'dan ir-Regolament. |
(9) |
L-eżenzjoni de minimis sa massimu ta' 7 % fl-2015 u l-2016, u 6 % fl-2017 għall-alongi (Thunnus alalunga) tal-qabdiet totali annwali f'sajd għall-alongi bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir tal-par fil-pelaġiku (PTM) fiż-żona VIII tal-ICES, hija bbażata fuq l-ispejjeż sproporzjonati tal-immaniġġjar tal-qabdiet mhux mixtieqa. Dawn huma spejjeż għall-ħażna u l-immaniġġjar fil-baħar u fuq ix-xatt. L-STECF fl-evalwazzjoni tiegħu semma' r-riskju tal-highgrading. Madankollu, din l-eżenzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19(a) tar-Regolament (KE) Nru 850/98. Għalhekk, l-eżenzjoni kkonċernata għandha tkun inkluża f'dan ir-Regolament. |
(10) |
L-eżenzjoni de minimis sa massimu ta' 5 % fl-2015 u l-2016, u 4 % fl-2017, tal-qabdiet totali annwali f'sajd għal ħut pelaġiku bit-tkarkir għall-inċova (Engraulis encrasicolus), il-kavalli (Scomber scombrus) u s-sawrell (Trachurus spp.) fiż-żona VIII tal-ICES hija bbażata fuq id-diffikultà li titjieb is-selettività f'dan is-sajd. L-STECF ikkonkluda li hemm argumenti tajbin għal eżenzjoni għall-kavalli u l-kavalli ż-żgħar u jinnota riskju parzjali għall-highgrading għall-inċova. Din l-eżenzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19(a) tar-Regolament (KE) Nru 850/98. Għalhekk, l-eżenzjoni kkonċernata għandha tkun inkluża fir-Regolament. |
(11) |
Eżenzjoni de minimis finali għal-sajd bil-purse seine fiż-żoni VIII, IX u X tal-ICES u ż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.0 tas-CECAF li jimmiraw għall-ispeċi li ġejjin: sa massimu ta' 5 % fl-2015 u l-2016, u 4 % fl-2017, tal-qabdiet totali annwali tas-sawrell (Trachurus spp.) u l-kavalli (Scomber scombrus); u sa massimu ta' 2 % fl-2015 u l-2016, u 1 % fl-2017, tal-qabdiet totali annwali tal-inċova (Engraulis encrasicolus). L-STECF ikkonkluda li din l-eżenzjoni hija appoġġjata minn argumenti raġunati li juru d-diffikultajiet biex titjieb is-selettività f'dan is-sajd. Għalhekk, l-eżenzjoni kkonċernata għandha tkun inkluża f'dan ir-Regolament. |
(12) |
Finalment, ir-rakkomandazzjoni konġunta tinkludi daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni (MCRS) ta' 9 ċentimetri għal żewġ sajdiet għall-inċova bil-għan li tiżgura l-protezzjoni taż-żgħar ta' dik l-ispeċi. L-STECF evalwa din il-miżura u kkonkluda li din ma jkollhiex impatt negattiv fuq iż-żgħar tal-inċova, li din se żżid il-livell ta' qabdiet li jistgħu jinbiegħu għall-konsum mill-bniedem mingħajr ma żżid il-mortalità tal-ħut, u li jista' jkollha benefiċċji għall-kontroll u l-infurzar. Għalhekk, l-MCRS għall-inċova fis-sajd ikkonċernat għandu jkun iffissat għal 9 ċentimetri. |
(13) |
Minħabba li l-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta ma', u l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015 biex ikun konformi mal-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. B'mod konformi mal-Artikolu 15(6) ta' dak ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu japplika għal mhux iktar minn 3 snin, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ambitu
Dan ir-Regolament jispeċifika d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt, kif hemm ipprovdut fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, mill-1 ta' Jannar 2015 fl-ilmijiet tal-Lbiċ, kif definit fl-Artikolu 4(2)(d) ta' dak ir-Regolament, fis-sajd stabbilit fl-Anness għal dak ir-Regolament.
Artikolu 2
Eżenzjoni ta' sopravvivenza
B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu tal-ħatt ma għandux japplika għal qabdiet ta' inċova, sawrell, kavalli żgħar u kavalli f'sajd artiġjanali bil-purse seine. Dawn il-qabdiet jistgħu jiġu rilaxxati jekk ix-xibka ma tittellax kollha abbord.
Artikolu 3
Eżenzjonijiet de minimis
B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (EU) Nru 1380/2013, il-kwanitatijiet li ġejjin jistgħu jintremew:
(a) |
għall-istokkafixx (Micromesistius poutassou), sa massimu ta' 7 % fl-2015 u l-2016, u 6 % fl-2017, tal-qabdiet totali annwali tas-sajd industrijali bit-tkarkir għal ħut pelaġiku immirat għal dawk l-ispeċi fiż-żona VIII tal-ICES u l-ipproċessar ta' dawk l-ispeċi abbord biex tinkiseb bażi ta' surimi; |
(b) |
sa massimu ta' 7 % fl-2015 u l-2016, u 6 % fl-2017 għall-alongi (Thunnus alalunga) tal-qabdiet totali annwali fis-sajd dirett lejn alongi bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir tal-par fil-pelaġiku (PTM) fiż-żona VIII tal-ICES; |
(c) |
sa massimu ta' 5 % fl-2015 u l-2016, u 4 % fl-2017, tal-qabdiet totali annwali fis-sajd bix-xbieki tat-tkarkir fil-pelaġiku għall-inċova (Engraulis encrasicolus), il-kavalli (Scomber scombrus) s-sawrell (Trachurus spp.) fiż-żona VIII tal-ICES; |
(d) |
Fis-sajd bil-purse seine fiż-żoni VIII, IX u X tal-ICES u ż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.0 tas-CECAF li jimmiraw l-ispeċijiet li ġejjin: sa massimu ta' 5 % fl-2015 u l-2016, u 4 % fl-2017, tal-qabdiet totali annwali tas-sawrell (Trachurus spp.) u l-kavalli (Scomber scombrus); u sa massimu ta' 2 % fl-2015 u l-2016, u 1 % fl-2017, tal-qabdiet totali annwali tal-inċova (Engraulis encrasicolus). |
Artikolu 4
Daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni
Id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni għall-inċova (Engraulis encrasicolus) maqbuda fis-sub-żona IX tal-ICES u ż-żona 34.1.2 tas-CECAF għandu jkun ta' 9 ċentimetri.
Artikolu 5
Dħul fis-Seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2017.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, l-20 ta' Ottubru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).
ANNESS
Sajd suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jimplimenta l-obbligu tal-ħatt
1. |
Sajd fiż-żona tal-ICES VIII:
|
2. |
Sajd fiż-żona tal-ICES XX:
|
3. |
Sajd fiż-żona tal-ICES X:
|
4. |
Is-sajd f'żoni tas-CECAF 34.1.1, 34.1.2, 34.2.0:
|