23.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 367/82


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1380/2014

tas-17 ta' Diċembru 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 81(1) u 83(4), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 mill-1 ta' Jannar 2014. Madankollu, l-Artikolu 230(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li, fir-rigward tas-sistema tal-limitazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib, it-Taqsima III tal-Kapitolu III tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 kif ukoll l-Artikolu 55, l-Artikolu 85 tiegħu u l-Annessi IX u X tiegħu jkomplu japplikaw sal-31 ta' Marzu 2015.

(2)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju rigward l-obbligi tax-xerrejja u tal-produtturi fir-rigward tal-aħħar sena tal-kwota tal-ħalib 2014/2015, kif ukoll l-obbligu li tinġabar l-imposta għaż-żejjed wara l-31 ta' Marzu 2015, ikun xieraq li jiġi ċċarat l-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 (3) b'referenza għad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(3)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 595/2004, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Qabel l-1 ta' Ottubru ta' kull sena, ix-xerrejja u, fil-każ ta' bejgħ dirett, il-produtturi li jinżammu responsabbli għall-imposta għandhom iħallsu lill-awtorità kompetenti l-ammont dovut skont ir-regoli stabbiliti mill-Istat Membru, billi x-xerrejja huma responsabbli għall-ġbir tal-imposta għaż-żejjed fuq il-kunsinni dovuta mill-produtturi skont l-Artikolu 79 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, f'konformità mal-Artikolu 81(1) ta' dak ir-Regolament.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 tat-30 ta' Marzu 2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 22).