19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 365/97


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1358/2014

tat-18 ta' Diċembru 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 fir-rigward tal-oriġini tal-annimali tal-akkwakultura organika, il-prattiki tat-trobbija tal-akkwakultura, l-għalf għall-annimali tal-akkwakultura organika u l-prodotti u s-sustanzi permessi għall-użu fl-akkwakultura organika

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(3), l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 16(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 jistabbilixxi r-rekwiżiti bażiċi għall-produzzjoni organika tal-algi u tal-annimali tal-akkwakultura. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (2).

(2)

Fil-perjodu ta' bejn Novembru 2012 u April 2013, ċerti Stati Membri ressqu talbiet għar-reviżjoni tar-regoli marbuta mal-prodotti, is-sustanzi, is-sorsi tal-għalf u t-tekniki awtorizzati li għandhom jintużaw fil-produzzjoni tal-akkwakultura organika. Dawk it-talbiet ġew evalwati mill-grupp espert għall-pariri tekniċi dwar il-produzzjoni organika (EGTOP) stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/427/KE (3). Filwaqt li qieset l-opinjoni ta' EGTOP, il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li taġġorna u tintegra r-regoli eżistenti għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti għall-produzzjoni organika tal-algi u l-annimali tal-akkwakultura.

(3)

Skont l-Artikolu 15(1)(a)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, l-annimali prodotti b'mod mhux organiku jistgħu jiddaħħlu f'azjenda skont kundizzjonijiet speċifiċi, meta ma jkunx disponibbli stokk żagħżugħ minn stokk matur organiku jew mill-azjendi. Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 jistabbilixxi r-restrizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-annimali tal-akkwakultura maqbuda mis-selvaġġ, inkluż il-ġabra ta' ġuvenili tal-akkwakultura selvaġġa. Xi prattiki tradizzjonali ta' pixxikultura estensiva fl-artijiet mistagħdra, bħall-għadajjar tal-ilma salmastru, iż-żoni tal-marea u l-laguni kostali, magħluqa bid-digi u x-xtut, ilhom jeżistu għal sekli sħaħ u huma ta' valur f'termini ta' wirt kulturali, konservazzjoni tal-bijodiversità u perspettiva ekonomika għall-komunitajiet lokali. F'ċerti kundizzjonijiet, dawk il-prattiki ma jaffettwawx l-istatus tal-istokk tal-ispeċi konċernata.

(4)

Għalhekk, il-ġabra tal-ħut żgħir selvaġġ għal skopijiet ta' tkabbir f'dawk il-prattiki tradizzjonali tal-akkwakultura hija kkunsidrata bħala konformi mal-għanijiet, il-kriterji u l-prinċipji tal-produzzjoni tal-akkwakultura organika, sakemm il-miżuri ta' ġestjoni approvati mill-awtorità rilevanti responsabbli mill-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut konċernati huma fis-seħħ biex jiżguraw l-isfruttar sostenibbli tal-ispeċijiet konċernati, li l-istokkjar mill-ġdid huwa konformi ma' dawk il-miżuri, u li l-ħut jiġi mitmugħ għalf esklussivament disponibbli b'mod naturali fl-ambjent.

(5)

EGTOP esprima tħassib li s-sorsi tal-għalf u l-adittivi permessi fil-produzzjoni tal-akkwakultura organika ma jissodisfawx b'mod suffiċjenti r-rekwiżiti tad-dieta tal-ispeċijiet tal-ħut karnivoru. Skont l-Artikolu 15(1)(d)(i) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, l-annimali għandhom jiġu mitmugħa għalf li jissodisfa r-rekwiżiti nutrittivi tagħhom fl-istadji varji tal-iżvilupp tagħhom. Għalhekk għandu jkun permess l-użu ta' ħut sħiħ bħala sors ta' għalf għall-annimali karnivori fl-akkwakultura organika. Madankollu, dak ma għandux jirriżulta fi pressjoni addizzjonali fuq stokkijiet mhedda jew li huma mistgħada wisq. Għal dik ir-raġuni, għandhom jintużaw biss prodotti tas-sajd li huma ċertifikati bħala sostenibbli minn parti terza biex jissupplixxu għalf għall-annimali karnivori fl-akkwakultura organika. F'dak il-kuntest, il-kredibbiltà tal-iskema sostenibbli użata hija importanti biex tiżgura lill-konsumaturi dwar is-sostenibbiltà kumplessiva tal-prodott tal-akkwakultura organika. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jidentifikaw l-iskemi ta' ċertifikazzjoni li huma jikkunsidraw, fid-dawl tal-prinċipji tas-sajd sostenibbli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), adattati biex juru s-sostenibblità tal-prodotti tas-sajd għall-użu bħala għalf fl-akkwakultura organika. Il-Linji Gwida tal-FAO tal-2009 għall-ekotikkettar tal-ħut u l-prodotti tas-sajd mis-sajd (5) maqbud mill-baħar jistgħu jintużaw bħala referenza fil-valutazzjoni tal-adattabbiltà tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni.

(6)

EGTOP enfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi pprovdut ukoll ammont suffiċjenti ta' istidina fid-dieta tal-ħut tal-familja Salmonidae, biex ikun żgurat livell għoli ta' saħħa u benessri tal-annimali f'dan l-ispeċi. Filwaqt li jitqiesu l-varjazzjonijiet sinifikanti fil-kontenut tal-istidina fil-materja prima tal-baħar skont l-ispeċi u l-istaġun, kif ukoll il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kundizzjonijiet tal-ħażna, l-użu tal-istidina prodotta mill-fermentazzjoni għandu jkun permess biex jiżgura li r-rekwiżiti tad-dieta tal-ħut tal-familja Salmonidae huma sodisfati.

(7)

L-ammont massimu ta' ħut mitħun li bħalissa huwa permess fl-għalf għall-gambli mhux suffiċjenti biex jissodisfa l-ħtiġijiet tad-dieta tagħhom u għalhekk għandu jiżdied. Is-supplimentar tal-għalf bil-kolesterol għandu jkun permess wkoll, meta jkun meħtieġ biex jissodisfa r-rekwiżiti kwantitattivi tad-dieta, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport EGTOP. Għal dak il-għan, għandu jintuża l-kolesterol organiku jekk ikun disponibbli. Il-kolesterol miġbur mis-suf, mill-frott tal-baħar bil-qoxra jew minn sorsi oħrajn jista' jintuża wkoll meta ma jkunx disponibbli l-kolesterol organiku.

(8)

L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 25k tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2014; għalhekk dak il-paragrafu għandu jitħassar.

(9)

Sabiex tkun żgurata l-konformità mal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 b'rabta mat-trobbija ta' stokk żagħżugħ li joriġina minn stokk matur organiku u minn azjendi organiċi, huwa kkunsidrat meħtieġ, u konformi mar-rapport EGTOP, li jiġu introdotti regoli speċifi għall-użu tal-plankton fl-għalf tal-ġuvenili organiċi. Il-plankton huwa neċessarju għat-trobbija tal-ġuvenili u mhux prodott skont regoli organiċi.

(10)

EGTOP huwa tal-parir ukoll li għandha tiġi aġġornata l-lista tas-sustanzi permessi għat-tindif u d-diżinfezzjoni fl-akkwakultura organika, b'mod partikolari b'rabta mal-possibbiltà li jintużaw uħud mis-sustanzi diġà elenkati fil-preżenza tal-annimali ukoll. L-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-Anness XIIIa tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, kif definit fl-Artikolu 25f(2), għandu jiġi definit b'mod iktar ċar, b'mod partikolari b'rabta mal-prattiki tat-trobbija.

(12)

Id-densitá massima tal-istokkjar permessa għat-troti tal-Arktiku għandha tiżdied, biex takkomoda aħjar għall-ħtiġijiet ta' din l-ispeċi. Id-densitajiet massimi tal-istokkjar għandhom jiġu definiti wkoll għall-crayfish. L-Anness XIIIa tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(13)

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat regolatorju għall-produzzjoni organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 25e, il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Għal skopijiet ta' tkabbir kontinwu, il-ġabra tal-ġuvenili selvaġġi tal-akkwakultura hija ristretta speċifikament għall-każijiet li ġejjin:

(a)

influss naturali ta' ħut jew larvi krustaċji u ġuvenili meta jimtlew l-għadajjar, sistemi jew għeluq ta' konteniment;

(b)

ferħ tas-Sallura Ewropea, sakemm ikun hemm fis-seħħ pjan ta' ġestjoni tas-sallura approvat għal-lokazzjoni u r-riproduzzjoni artifiċjali tas-sallura tibqa mhux solvuta;

(c)

il-ġabra tal-ħut żgħir selvaġġ ta' speċijiet apparti mis-sallura Ewropea biex ikomplu jikbru f'pixxikultura estensiva tal-akkwakultura tradizzjonali fl-artijiet mistagħdra, bħall-għadajjar tal-ilma salmastru, iż-żoni tal-marea u l-laguni kostali, magħluqa permezz ta' ilqugħ naturali u xtut, sakemm:

(i)

l-istokkjar mill-ġdid huwa konformi mal-miżuri ta' ġestjoni approvati mill-awtoritajiet rilevanti responsabbli mill-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut konċernati sabiex jiżguraw l-isfruttar sostenibbli tal-ispeċijiet konċernati, u

(ii)

il-ħut jintemgħa esklussivament b'għalf naturali disponibbli fl-ambjent.”

(2)

Fl-Artikolu 25f, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Id-densità tal-istokk u l-prattiki tat-trobbija huma stabbiliti fl-Anness XIIIa skont l-ispeċi jew il-grupp ta' speċijiet. Filwaqt li jitqiesu l-effetti tad-densità tal-istokk u l-prattiki tat-trobbija fuq il-benessri tal-ħut fl-azjenda, għandhom jiġu mmonitorjati l-kundizzjoni tal-ħut (bħall-ħsara fil-ġwienaħ, feriti oħrajn, ir-rata tal-iżvilupp, l-imġiba espressa u s-saħħa ġenerali) u l-kwalità tal-ilma.”

(3)

Fl-Artikolu 25k, il-paragrafu 1, jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

prodotti tal-għalf derivati minn ħut sħiħ maqbud fis-sajd ċertifikat bħala sostenibbli taħt skema rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE” "

(4)

Fl-Artikolu 25k, jitħassar il-paragrafu 2.

(5)

Fl-Artikolu 25k, jiżdied il-punt li ġej:

“5.   L-istidina prodotta permezz tal-fermentazzjoni tista' tintuża fil-porzjon tal-għalf għall-ħut tal-familja Salmonidae meta s-sorsi tal-għalf elenkati fil-paragrafu 1 ma jipprovdux ammont suffiċjenti ta' istidina biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-dieta tal-ħut u jipprevjenu l-formazzjoni tal-katerretti.”

(6)

Fl-Artikolu 25 l, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Fejn l-għalf naturali huwa supplimentat skont il-paragrafu 2:

(a)

il-porzjon tal-għalf għas-siamese catfish (Pangasius spp.) kif jissemma fit-Taqsima 9 tal-Anness XIIIa jista' jinkludi massimu ta' 10 % ta' ħut mitħun jew żejt tal-ħuta derivat minn sajd sostenibbli;

(b)

il-porzjon tal-għalf għall-gambli kif jissemma fit-Taqsima 7 tal-Anness XIIIa jista' jinkludi massimu ta' 25 % ħut mitħun u 10 % żejt tal-ħuta derivat mis-sajd sostenibbli. Sabiex ikunu żgurati l-ħtiġijiet tad-dieta kwantitattivi tal-gambli, il-kolesterol organiku jista' jintuża biex jissupplimenta d-dieta tagħhom; fejn ma jkunx disponibbli l-kolesterol organiku, jista' jintuża l-kolesterol mhux organiku derivat mis-suf, mill-frott tal-baħar bil-qoxra jew minn sorsi oħrajn.”

(7)

Jiddaħħal l-Artikolu 251a li ġej:

“Artikolu 25la

Regoli speċifiċi dwar l-għalf għall-ġuvenili organiċi

Fit-trobbija tal-larva tal-ġuvenili organiċi jistgħu jintużaw bħala għalf il-fitoplankton konvenzjonali u ż-żooplankton.”

(8)

L-Artikolu 25s, il-paragrafu 6 jinbidel b'dan li ġej:

“6.   Għall-kontroll bijoloġiku tal-ektoparassiti, għandha tingħata preferenza għall-użu ta' ħut iktar nadif u għall-użu tal-ilma ħelu, l-ilma baħar u ta' soluzzjonijiet tal-klorur tas-sodju.”

(9)

L-Annessi VII u XIIIa huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/427/KE tat-3 ta' Ġunju 2009 li tistabbilixxi l-grupp ta' esperti biex jagħti pariri tekniċi dwar il-produzzjoni organika (ĠU L 139, 5.6.2009, p. 29).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(5)  ISBN 978-92-5-006405-5


ANNESS

1.   

Il-Punt 2 tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 jinbidel b'dan li ġej:

2.   Prodotti għat-tindif u għad-diżinfezzjoni tal-produzzjoni tal-annimali tal-akkwakultura u tal-algi msemmija fl-Artikoli 6e(2), 25s(2) u 29a.

2.1.   Suġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali kif jissemma fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, u b'mod partikolari mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), il-prodotti użati għat-tindif u d-diżinfezzjoni tat-tagħmir u l-faċilitajiet fin-nuqqas tal-annimali tal-akkwakultura jista' jkollhom is-sustanzi attivi li ġejjin:

ożonu

ipoklorit tas-sodju

ipoklorit tal-kalċju

idrossidu tal-kalċju

ossidu tal-kalċju

soder

alkoħol

kupru (sulfat tar-ram): sal-31 ta' Diċembru 2015 biss.

permanganat tal-potassju,

kejk taż-żerriegħa tat-te magħmul miż-żerriegħa naturali tal-kamelja (l-użu huwa ristrett għall-produzzjoni tal-gambli).

taħlit ta' peroksomonosulfat tal-potassju u klorur tas-sodju li jipproduċu l-aċidu ipokloru

2.2.   Suġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali kif jissemma fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, u b'mod partikolari mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), il-prodotti użati għat-tindif u d-diżinfezzjoni tat-tagħmir u l-faċilitajiet fil-preżenza kif ukoll fin-nuqqas tal-annimali tal-akkwakultura jista' jkollhom is-sustanzi attivi li ġejjin:

ġir (karbonat tal-kalċju) għall-kontroll tal-pH

dolomit għall-korrezzjoni tal-pH (l-użu huwa ristrett għall-produzzjoni tal-gambli)

klorur tas-sodju

perossidu tal-idroġenu

perkarbonat tas-sodju

aċidi organiċi (aċidu aċetiku, aċidu lattiku u aċidu ċitriku)

aċidu umiku

aċidi peroksjaċetiċi

aċidi peraċetiċi u peroktanojċi

jodofori (fil-preżenza tal-bajd biss)

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1)."

(*2)  Id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1).” "

2.   

L-Anness XIIIa tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fir-ringiela dwar id-“Densità massima tal-istokkjar” fit-tabella fit-Taqsima 1, “Troti tal-Arktiku 20 kg/m3” tinbidel bi “Troti tal-Arktiku 25 kg/m3

(b)

It-Taqsima li ġejja tiddaħħal wara t-Taqsima 7:

Taqsima 7a

Produzzjoni organika tal-crayfish:

Speċijiet konċernati: Astacus astacus, Pacifastacus leniusculus.

Densità massima tal-istokkjar

Għal crayfish ta' daqs żgħir (< 20 mm): 100 individwu għal kull m2. Għal crayfish ta' daqs medju (20 - 50 mm): 30 individwu għal kull m2. Għal crayfish adulti (> 50 mm): 10 individwi għal kull m2, sakemm ikunu jeżistu postijiet adegwati fejn jistaħbew.”


(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

(*2)  Id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1).” ”