19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 365/70


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1353/2014

tal-15 ta' Diċembru 2014

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1156/2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/16/UE tirrikjedi li l-iskambju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni jsir bl-użu ta' formoli u formati kompjuterizzati standard.

(2)

Il-formoli standard li jridu jintużaw għall-iskambju ta' informazzjoni fuq talba, għall-iskambju spontanju ta' informazzjoni, notifiki u informazzjoni ta' feedback għandhom jikkonformaw mal-Annessi I sa IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1156/2012 (2).

(3)

Irid jintuża format kompjuterizzat għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni dwar ċerti kategoriji speċifiċi ta' dħul u kapital li jkun ibbażat fuq format kompjuterizzat eżistenti skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (3).

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1156/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

L-emendi għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2015 b'konformità mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fl-Istati Membri meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 8 tad-Direttiva rigward l-iskambju awtomatiku obbligatorju tal-informazzjoni.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva għat-Tassazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1156/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:

“Artikolu 1a

Il-format kompjuterizzat li jrid jintuża għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/16/UE għandu jikkonforma mal-Anness V ta' dan ir-Regolament.”

(2)

L-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 1156/2012 huwa miżjud kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1156/2012 tas-6 ta' Diċembru 2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 335, 7.12.2012, p. 42).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax (ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38).


ANNESS

“ANNESS V

Format kompjuterizzat imsemmi fl-Artikolu 1a

Il-format kompjuterizzat għall-iskambju awtomatiku obbligatorju tal-informazzjoni skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/16/UE jikkonforma mal-istruttura ġerarkika li ġejja u jinkludi l-klassijiet ta' elementi li ġejjin (*):

(a)

Fir-rigward tal-messaġġ ġenerali:

Image

(b)

Fir-rigward tal-korp għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar id-dħul mill-impjieg jew il-miżati tad-direttur:

Image

(c)

Fir-rigward tal-korp għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-pensjonijiet:

Image

(d)

Fir-rigward tal-korp għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-prodotti ta' assigurazzjoni tal-ħajja:

Image

(e)

Fir-rigward tal-korp għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni dwar is-sjieda ta' proprjetà immobbli u d-dħul minnha:

Image

(f)

Fir-rigward tal-korp f'każ li ma tiġi kkomunikata l-ebda informazzjoni b'rabta ma' kategorija speċifika:

Image

(g)

Fir-rigward tal-korp għal konferma tal-wasla tal-informazzjoni għal kategorija speċifika:

Image

(*)  Madankollu, huma biss l-attributi attwalment disponibbli u applikabbli f'każ partikolari, li jridu jidhru fil-format kompjuterizzat użat f'dak il-każ.