19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 365/44


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1350/2014

tal-15 ta' Diċembru 2014

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika tal-Madagaskar u l-Komunità Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Novembru 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 31/2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Madagaskar (1) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”). Il-Protokoll attwali għall-Ftehim jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2014.

(2)

Fl-19 ta' Ġunju 2014 ġie inizjalat Protokoll ġdid (2) għall-Ftehim (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”). Dan il-Protokoll jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd li fiha r-Repubblika tal-Madagaskar teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha.

(3)

Fil-15 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/929/UE (3) dwar l-iffirmar tal-Protokoll u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu.

(4)

Huwa xieraq li jiġi ddefinit il-mod li bih isir it-tqassim tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għall-perjodu ta' applikazzjoni tal-Protokoll.

(5)

Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (4), jekk jirriżulta li l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni bis-saħħa tal-Protokoll ma jkunux qed jintużaw għal kollox, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan. F'każ li ma tintbagħatx risposta qabel ma jiskadi limitu ta' żmien li għandu jiġi ffissat mill-Kunsill, dan għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tas-sajd matul il-perjodu kkunsidrat. Dik l-iskadenza għandha għalhekk tiġi stabbilita mill-Kunsill.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-bastimenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jkomplu bl-attivitajiet tas-sajd tagħhom, l-Artikolu 15 tal-Protokoll jipprevedi l-possibbiltà li huwa jiġi applikat b'mod proviżorju minn kull Parti sa mid-data tal-iffirmar tiegħu, iżda mhux qabel l-1 ta' Jannar 2015.

(7)

Huwa xieraq li dan ir-Regolament japplika mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll, iżda mhux qabel l-1 ta' Jannar 2015.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

a)

bastimenti għas-sajd tat-tonn bit-tartarun:

Spanja:

20-il bastiment

Franza:

19-il bastiment

Italja:

bastiment wieħed

b)

bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ b'tunnellaġġ superjuri għal 100 TG:

Spanja:

18-il bastiment

Franza:

9 bastimenti

Il-Portugall:

5 bastimenti

c)

bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ b'tunnellaġġ inferjuri jew ugwali għal 100 TG:

Franza:

22 bastiment

2.   Il-limitu tal-qabdiet tal-klieb il-baħar flimkien mat-Tonn u l-ispeċijiet tal-istess tip, kif stabbilit fl-Anness tal-Protokoll għall-bastimenti bil-konz tal-wiċċ tal-Unjoni, jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

Spanja:

207 tunnellati

Franza:

34 tunnellata

Il-Portugall:

9 tunnellati

3.   Ir-Regolament (KE) Nru 1006/2008 japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim.

4.   Jekk l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jkoprux l-opportunitajiet kollha tas-sajd iffissati fil-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tqis l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd minn kull Stat Membru ieħor f'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008.

5.   L-iskadenza sa meta l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw li mhumiex qed jużaw għalkollox l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu ngħatawlhom skont il-Protokoll, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008, għandha tkun ta' għaxart ijiem tax-xogħol minn meta l-Kummissjoni tgħarrafhom li l-opportunitajiet tas-sajd mhumiex qed jintużaw kollha.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jibda japplika mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll, iżda mhux qabel l-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MARTINA


(1)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 1.

(2)  Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika tal-Madagaskar u l-Komunità Ewropea (ara paġna 8 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ara paġna 6 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).