|
17.12.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 360/13 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1336/2014
tas-16 ta' Diċembru 2014
li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma ta' avvanzar tal-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għall-2015
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-7 ta' Awwissu 2014, il-gvern Russu introduċa projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti mill-Unjoni lejn ir-Russja, inklużi l-ħalib u prodotti tal-ħalib. Din il-projbizzjoni ħolqot disturb fis-suq bi tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet minħabba l-fatt li suq importanti tal-esportazzjoni f'daqqa waħda ma baqax disponibbli. |
|
(2) |
L-Artikolu 12(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li l-intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għandu jkun disponibbli mill-1 ta' Marzu sat-30 ta' Settembru. |
|
(3) |
Għaldaqstant inħolqot sitwazzjoni fejn il-miżuri normali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jidhru li mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw id-disturb fis-suq. |
|
(4) |
Il-perjodu ta' intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat ġie estiż għall-31 ta' Diċembru 2014 bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 949/2014 (2). |
|
(5) |
Il-prezzijiet tal-butir u tat-trab tal-ħalib xkumat fl-Unjoni komplew jiddeterjoraw u l-pressjoni 'l isfel x'aktarx li tibqa' għaddejja. |
|
(6) |
Sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fejn il-prezzijiet se jkomplu jiddeterjoraw u d-disturbi fis-suq se jiżdiedu, huwa essenzjali li l-intervent pubbliku jkun disponibbli wkoll wara l-31 ta' Diċembru 2014. |
|
(7) |
Għaldaqstant huwa xieraq li l-1 ta' Jannar jiġi stabbilit bħala l-bidu tal-perjodu ta' xiri sfurzat ta' intervent għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat f'2015. |
|
(8) |
Sabiex ikun hemm impatt immedjat fuq is-suq u għall-kontribuzzjoni fl-istabilizzazzjoni tal-prezzijiet, il-miżura temporanja stipulata f'dan ir-Regolament għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Permezz ta' deroga mill-Artikolu 12(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fl-2015 l-intervent pubbliku għall-butir u għat-trab tal-ħalib xkumat għandu jkun disponibbli mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, tas-16 ta' Diċembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 949/2014 tal-4 ta' Settembru 2014 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali għas-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-forma ta' estensjoni tal-perjodu tal-intervent pubbliku għall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat fl-2014, (ĠU L 265, 5.9.2014, p. 21).