|
11.12.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 354/1 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1310/2014
tat-8 ta' Ottubru 2014
dwar is-sistema provviżorja ta' pagamenti fuq il-kontribuzzjonijiet biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni matul il-perjodu provviżorju
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (1), u b'mod partikolari l-punti(a), (b) u (c) tal-Artikolu 65(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (il-Bord) ġie stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 u fdat bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet uniformi stabbiliti minn dan ir-Regolament u bl-amministrazzjoni tal-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni. L-Artikolu 58 ta' dan ir-Regolament jipprovdi li l-Bord jkollu baġit awtonomu li mhuwiex parti mill-baġit tal-Unjoni. |
|
(2) |
L-Artikolu 65(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jipprovdi li l-Bord jiddetermina u jiġbor il-kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord li huma dovuti minn kull entità msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament. Dawn l-entitajiet huma istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (2) u l-impriżi prinċipali, id-ditti tal-investiment u l-istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti, fejn huma suġġetti għal superviżjoni konsolidata mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) skont l-Artikolu 4(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta' istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti ma għandhomx ikunu koperti minn dan ir-Regolament. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord jikkostitwixxu d-dħul ta' Parti 1 tal-baġit tal-Bord u jkopru l-infiq ta' Parti 1 tal-baġit, li tinkludi tal-inqas ir-remunerazzjoni tal-persunal, l-infiq amministrattiv, infrastrutturali, l-infiq tat-taħriġ professjonali u operazzjonali. |
|
(4) |
Fl-2014 il-Bord mhux se jkollu l-infrastruttura dedikata u l-kapaċità operazzjonali biex jiġbor kontribuzzjonijiet biex ikopri l-infiq amministrattiv tiegħu għall-2014 u l-2015 mill-entitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014. Madankollu, fl-2014 il-Bord se jkun jeħtieġ li jiġbor id-dħul meħtieġ biex jiffinanzja Parti 1 tal-baġit tiegħu biex ikopri l-infiq amministrattiv tiegħu għal dawk is-sentejn. L-infiq amministrattiv tal-Bord għas-snin 2014 u 2015 tal-perjodu provviżorju huwa stmat għal EUR 22 miljun. |
|
(5) |
Għandha tiġi prevista soluzzjoni temporanja biex tippermetti lill-Bord jiġbor kontribuzzjonijiet biex ikopri l-infiq amministrattiv tiegħu għall-2014 u 2015 filwaqt li jiġi żgurat li l-kalkolu u l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet jistgħu jitwettqu bir-riżorsi limitati ħafna tal-Bord u fi żmien qasir ħafna. Dan għandu jkun possibbli permezz l-istabbiliment li l-kalkolu u l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord huma mwettqa abbażi ta' approċċ ta' żewġ fażijiet: sistema provviżorja waqt l-ewwel stadji tal-eżistenza tal-Bord u sistema finali. |
|
(6) |
Huma biss dawk l-entitajiet li ġew notifikati mill-BĊE, fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti, bid-deċiżjoni tal-BĊE li jitqiesu sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u skont l-Artikolu 147(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (3) u li ġew imsemmija fil-lista ppubblikata fuq il-websajt tal-BĊE fl-4 ta' Settembru 2014, iżda esklużi dawk l-entitajiet sinifikanti li huma sussidjarji ta' gruppi diġà meqjusa (“entitajiet sinifikanti”), li għandhom javvanzaw l-ammont sħiħ ta' pagamenti biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord matul il-perjodu provviżorju. L-entitajiet li jkunu meqjusa bħala sinifikanti u notifikati bħala tali mill-BĊE bejn il-5 ta' Settembru 2014 u tmiem il-perjodu provviżorju ma għandhomx ikunu suġġetti għall-obbligu ta' ħlas ta' pagamenti fuq il-kontribuzzjonijiet. Għal dan l-għan, għandha tiġi stabbilita sistema provviżorja ta' pagamenti fuq il-kontribuzzjonijiet (“pagamenti”) li se tippermetti lill-Bord biex jiġbor, matul l-perjodu provviżorju, pagamenti minn entitajiet sinifikanti biex ikopri l-infiq tiegħu. |
|
(7) |
Din is-sistema provviżorja hija proporzjonata minħabba li l-entitajiet li se jħallsu bin-nifs jirrappreżentaw madwar 85 % tal-assi totali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu koperti mir-Regolament (UE) Nru 806/2014 u huma faċilment identifikabbli. F'din il-fażi preliminari, tali metodu għall-kalkolu u l-ġbir ta' pagamenti għandu jinvolvi l-inqas piż amministrattiv possibbli kemm għall-Bord kif ukoll għall-entitajiet konċernati. |
|
(8) |
Ladarba l-Bord ikollu l-istruttura u l-kapaċità operattivi neċessarji, il-Kummissjoni se tadotta sistema finali ta' kontribuzzjonijiet amministrattivi li abbażi tagħhom il-kontribuzzjonijiet se jiġu kkalkolati u miġbura. |
|
(9) |
Skont is-sistema finali, il-kontribuzzjonijiet tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jiġu kkalkulati u miġbura skont ir-regoli finali. Il-kontribuzzjonijiet tal-entitajiet sinifikanti koperti mis-sistema provviżorja għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid biex jitqiesu l-ammonti mħallsa minnhom skont din is-sistema provviżorja. |
|
(10) |
Kull differenza bejn il-pagamenti mħallsa abbażi tas-sistema provviżorja u l-kontribuzzjonijiet ikkalkolati skont is-sistema finali għandha tiġi saldata mal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord għas-sena ta' wara t-tmiem tal-perjodu provviżorju. |
|
(11) |
Sabiex il-Bord isir operattiv sal-1 ta' Jannar 2015, kif meħtieġ mill-Artikolu 98(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, u biex jibda jwettaq il-kompiti elenkati fl-Artikolu 99(3) ta' dan ir-Regolament, huwa urġenti li jiġi stabbilit mekkaniżmu sempliċi u effettiv li jista' jiġi implimentat malajr u faċilment matul l-istadju inizjali ta' eżistenza tal-Bord li jippermettilu li jkollu l-mezzi finanzjarji neċessarji biex jistabbilixxi l-istruttura organizzazzjonali tiegħu u jimpjega l-persunal meħtieġ biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw:
|
(a) |
sistema provviżorja ta' pagamenti fuq il-kontribuzzjonijiet biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord matul il-perjodu provviżorju; |
|
(b) |
il-metodoloġija għall-kalkolu tal-pagamenti li għandhom jiġu miġbura bil-quddiem minn kull entità sinifikanti biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord matul il-perjodu provviżorju; |
|
(c) |
il-proċedura u l-modalitajiet għall-ġbir tal-pagamenti msemmija fil-punt b) mill-Bord; |
|
(d) |
l-arranġamenti għad-diferiment tal-kalkolu u l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet dovuti minn entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 ħlief entitajiet sinifikanti biex ikopru nfiq amministrattiv tal-Bord matul il-perjodu provviżorju; |
|
(e) |
l-arranġamenti biex jiġu aġġustati l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-entitajiet sinifikanti għall-infiq amministrattiv tal-Bord wara l-perjodu provviżorju biex titqies kull differenza bejn il-pagamenti mħallsa bil-quddiem abbażi ta' dik is-sistema provviżorja u l-kontribuzzjonijiet dovuti għall-perjodu provviżorju tas-sistema finali. |
Artikolu 2
Ambitu u objettiv
Dan ir-Regolament japplika għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.
Il-pagamenti miġbura mill-Bord skont dan ir-Regolament ikunu użati esklussivament biex ikopru l-infiq amministrattiv tiegħu matul il-perjodu provviżorju.
Il-Bord jeżerċita ġestjoni finanzjarja tajba u kontroll baġitarju fl-oqsma kollha tal-infiq tiegħu.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014. Japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“pagamenti” jew “pagamenti fuq kontribuzzjonijiet” tfisser il-pagamenti fuq kontribuzzjonijiet li għandhom jinġabru mill-Bord skont dan ir-Regolament biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord matul il-perjodu provviżorju; |
|
(b) |
“infiq amministrattiv tal-Bord” tfisser l-infiq tal-Parti I tal-baġit tal-Bord matul il-perjodu provviżorju; |
|
(c) |
“assi totali” tfisser il-valur totali ta' assi derivati mill-approprjazzjoni “assi totali” fuq il-karta bilanċjali konsolidata, fejn rilevanti, tal-entità sinifikanti kif irrappurtat skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni għal skopijiet prudenzjali mill-31 ta' Diċembru 2013 jew mid-data ta' rappurtar applikabbli għas-sena finanzjarja 2013, jekk is-sena finanzjarja tintemm f'data aktar tard mill-31 ta' Diċembru; |
|
(d) |
“entitajiet sinifikanti” tfisser l-entitajiet li ġew notifikati mill-BĊE, fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti, bid-deċiżjoni tal-BĊE li jitqiesu sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u skont l-Artikolu 147(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014, u li ġew imsemmija fil-lista ppubblikata fuq il-websajt tal-BĊE fl-4 ta' Settembru 2014, iżda esklużi dawk l-entitajiet sinifikanti li huma sussidjarji ta' gruppi diġà meqjusa f'din id-definizzjoni, u fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta' istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti; |
|
(e) |
“avviż ta' pagament” tfisser avviż li jindika l-ammont tal-pagament għall-kontribuzzjoni li jinġabar bil-quddiem, maħruġ lil kull entità sinifikanti rilevanti skont dan ir-Regolament; |
|
(f) |
“perjodu provviżorju” tfisser perjodu li jibda fid-19 ta' Awwissu 2014 u jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2015, jew li jintemm fil-jum tal-applikazzjoni tas-sistema finali tal-kontribuzzjonijiet amministrattivi adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 65(5)(a) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, skont liem wieħed ikun l-aktar tard; |
|
(g) |
“awtorità kompetenti” tfisser awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 4(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (4). |
Artikolu 4
Sistema provviżorja ta' pagamenti fuq kontribuzzjonijiet
1. L-entitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 iħallsu kontribuzzjonijiet biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord matul il-perjodu provviżorju.
2. Il-Bord jikkalkola u jiġbor bil-quddiem pagamenti għal kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu minn entitajiet sinifikanti biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord matul il-perjodu provviżorju.
3. Il-kalkolu u l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord matul il-perjodu provviżorju minn entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 ħlief entitajiet sinifikanti jiġi differit sa tmiem il-perjodu provviżorju msemmi fl-Artikolu 3(f).
Artikolu 5
Kalkolu tal-pagamenti
1. L-infiq amministrattiv tal-Bord matul il-perjodu provviżorju jkun il-bażi għad-determinazzjoni tal-pagamenti fuq kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu bil-quddiem minn entitajiet sinifikanti.
2. Il-pagamenti li għandhom jitħallsu minn kull entità sinifikanti jiġu kkalkulati bil-multiplikazzjoni tal-infiq amministrattiv tal-Bord għall-perjodu tal-2014 u l-2015, jew, meta l-perjodu provviżorju jmur lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2015, għall-perjodu rilevanti skont il-proporzjon tal-assi totali ta' dik l-entità sinifikanti mal-aggregat tal-assi totali tal-entitajiet sinifikanti kollha kif irrappurtat fil-31 ta' Diċembru 2013 jew fid-data tar-rappurtar applikabbli għas-sena finanzjarja 2013, jekk is-sena finanzjarja tintemm f'data iktar tard mill-31 ta' Diċembru.
Artikolu 6
Arranġamenti tas-saldu
1. L-ammont ta' kontribuzzjonijiet dovuti minn kull entità msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord matul il-perjodu provviżorju jkun ikkalkulat (mill-ġdid) skont is-sistema finali ta' kontribuzzjonijiet amministrattivi adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 65(5)(a) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (is-“sistema finali”).
2. Kull differenza bejn il-pagamenti mħallsa abbażi tas-sistema provviżorja u l-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikkalkolati skont is-sistema finali tiġi saldata fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet biex tkopri l-infiq amministrattiv tal-Bord għas-sena ta' wara l-perjodu provviżorju. Dan l-aġġustament isir billi jitnaqqsu jew jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord għal dik is-sena.
3. Jekk id-differenza msemmija fil-paragrafu 2 hija ogħla mill-kontribuzzjonijiet dovuti għal dik is-sena, l-aġġustament ikompli fis-sena sussegwenti.
Artikolu 7
Avviż u pagament
1. Jinħareġ u jiġi notifikat avviż ta' pagamenti mill-Bord lil kull entità sinifikanti permezz tal-posta rreġistrata b'forma ta' konferma ta' riċevuta.
2. L-avviż ta' pagamenti jispeċifika l-ammont tal-pagament li għandu jitħallas bil-quddiem mill-entità sinifikanti biex ikopri l-infiq amministrattiv tal-Bord matul il-perjodu provviżorju.
3. L-avviż ta' pagamenti jispeċifika l-mezzi li bihom il-pagament jitħallas. L-entità sinifikanti tikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-pagament speċifikati fl-avviż ta' pagamenti.
4. L-entità sinifikanti tħallas l-ammont dovut skont l-avviż ta' pagamenti f'pagament wieħed fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-avviż ta' pagamenti.
5. Mingħajr preġudizzju għal kull rimedju ieħor disponibbli lill-Bord, għal kull pagament parzjali, nuqqas ta' ħlas jew nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet għall-pagamenti speċifikati fl-avviż ta' pagamenti, l-entità sinifikanti se tkun suġġetta għal penali ta' kuljum fuq l-ammont pendenti tal-pagament.
Sabiex jiġu kkalkulati l-penali ta' kuljum, l-imgħax ikun dovut fuq bażi ta' kuljum fuq l-ammont dovut b'rata ta' mgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta' rifinanzjament prinċipali tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih taqa' d-data ta' skadenza tal-pagament miżjud bi tmien punti perċentwali mid-data li fiha l-pagament kien dovut.
6. Il-pagament tal-penali ta' kuljum imsemmi fil-paragrafu 5 ikun infurzabbli. L-infurzar ikun irregolat mir-regoli proċedurali applikabbli fl-Istat Membru parteċipanti. L-ordni għall-infurzar tiegħu tkun mehmuża mad-deċiżjoni mingħajr l-ebda formalità oħra minbarra l-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni mill-awtorità li l-gvern ta' kull Stat Membru jaħtar għal dan l-iskop, u li jgħarraf biha lill-Bord u lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Artikolu 8
Rappurtar
Għaxart ijiem wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jipprovdu lill-Bord bid-dettalji ta' kuntatt tal-entitajiet sinifikanti u l-valur tal-assi totali tagħhom kif irrappurtat mill-31 ta' Diċembru 2013 jew mid-data ta' rappurtar applikabbli għas-sena finanzjarja 2013, jekk is-sena finanzjarja tintemm f'data iktar tard mill-31 ta' Diċembru.
Artikolu 9
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Ottubru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (ir-Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).
(4) Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).