20.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1239/2014

tad-19 ta' Novembru 2014

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 24(3) u 27 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 jeħtieġ li l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni l-fajls tekniċi għal kull indikazzjoni ġeografika stabbilita Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi ta' din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu adottati regoli dettaljati fir-rigward tal-użu tas-sistemi tal-informazzjoni għat-trażmissjoni ta' dawn il-fajls bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(2)

Fl-interess ta' amministrazzjoni effiċjenti u filwaqt li titqies l-esperjenza bl-użu tas-sistemi tal-informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni fl-imgħoddi, il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (2), li jikkonċernaw b'mod partikolari l-validazzjoni tad-drittijiet tal-aċċess tal-awtoritajiet jew l-individwi awtorizzati biex jibagħtu n-notifiki, għandhom japplikaw l-awtentiċità, l-integrità u l-leġġibbiltà tad-dokumenti tul iż-żmien, u l-protezzjoni tad-dejta personali.

(3)

Bħala l-ewwel pass lejn standardizzazzjoni totali, fil-proċeduri ta' ħidma interni tagħha u fir-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet involuti fil-ġestjoni ta' protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, ta' xorb spirituż, skont il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-Kummissjoni żviluppat sistemi ta' informazzjoni li jippermettu s-sottomissjoni elettronika tal-fajls tekniċi għal indikazzjonijiet ġeografiċi stabbiliti, kif stipulat fl- Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008. Biex tiġi żgurata l-ġestjoni effiċjenti ta' dawn il-fajls, l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jittrażmettuhom permezz tas-sistemi tal-informazzjoni disponibbli.

(4)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 (3), li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar- Regolament (KE) Nru 110/2008, ma jispeċifikax il-mezzi ta' trażmissjoni ta' dawn il-fajls tekniċi. Għaldaqstant għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għax-Xorb Spirituż,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

Jiddaħħal l-Artikolu 8a li ġej:

“Artikolu 8a

Is-sottomissjoni u l-wasla tal-fajls tekniċi għall-indikazzjonijiet ġeografiċi stabbiliti

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jibagħtu l-fajls tekniċi għal indikazzjonijiet ġeografiċi stabbiliti msemmija fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 lill-Kummissjoni bl-użu tas-sistemi tal-informazzjoni msemmija fl-Anness VI.

Il-fajls għandhom jitqiesu bħala sottomessi fid-data li fiha l-Kummissjoni tirċivihom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħti konferma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li rċeviet il-fajls tekniċi permezz tas-sistemi tal-informazzjoni msemmija fl-Anness VI. Hija għandha tagħti numru tal-fajl lil kull fajl.

Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)

in-numru tal-fajl;

(b)

l-isem ikkonċernat; u

(c)

id-data tal-irċevuta.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika informazzjoni u rimarki dwar il-fajls tekniċi li jużaw is-sistemi tal-informazzjoni msemmija fl-Anness VI u tagħmilhom disponibbli.

3.   L-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 792/2009 għandhom japplikaw mutatis mutandis għan-notifika u d-disponibbiltà tal-informazzjoni, kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2.

In-notifiki msemmija fl-Artikolu 4(2)(a)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 792/2009 għandhom isiru sa mhux aktar tard minn 10 ijiem wara l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.”

(2)

Jiżdied l-Anness VI f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 tal-25 ta' Lulju 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ta' xorb spirituż (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 21).


ANNESS

“ANNESS VI

Is-sistemi tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8a

Sabiex jiksbu struzzjonijiet dwar kif jaċċessaw u jużaw is-sistemi tal-informazzjoni magħmula disponibbli mill-Kummissjoni lill-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz li ġej:

Kaxxa postali funzjonali: AGRI-EXT-HELPDESK@ec.europa.eu”