|
15.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 330/37 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1223/2014
tal-14 ta' Novembru 2014
li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 rigward l-iskarikar simplifikat tal-proċedura ta' proċessar attiv
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 544 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (2) jipprevedi simplifikazzjoni fl-iskarikar tal-proċedura ta' proċessar attiv. Skont din is-simplifikazzjoni, ċerta merkanzija importata titqies li kienet riesportata jew esportata, għalkemm fil-verità tkun tqiegħdet fis-suq tal-Unjoni mingħajr dikjarazzjoni doganali sussegwenti u mingħajr ħlas ta' dazji ta' importazzjoni. |
|
(2) |
L-Artikolu 544(c) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 jkopri t-twassil ta' ajruplani ċivili. Is-simplifikazzjoni fl-iskarikar tal-proċedura ta' proċessar attiv fir-rigward tal-ajruplani ċivili żżid il-kompetittività tal-industrija tal-avjazzjoni fil-livell internazzjonali u tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' valur miżjud fl-Unjoni. |
|
(3) |
Il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 544(c) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandu jiġi estiż għall-ajruplani militari sabiex dawn l-ajruplani jibbenefikaw ukoll mill-iskarikar simplifikat tal-proċedura ta' proċessar attiv bħall-ajruplani ċivili. |
|
(4) |
Għalhekk, ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandu jiġi emendat skont dan. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 544 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:
|
“(c) |
it-twassil ta' ajruplani; iżda, l-uffiċċju ta' sorveljanza għandu jippermetti li l-arranġamenti jiġu skarikati malli l-oġġetti ta' importazzjoni jkunu ntużaw għall-ewwel darba għall-manifattura, tiswija, modifikazzjoni jew konverżjoni ta' ajruplani jew partijiet tagħhom, bil-kundizzjoni li r-rekords tad-detentur huma tali li jagħmluha possibbli biex jiġi verifikat li l-arranġamenti huma applikati u operati b'mod korrett;” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Novembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).