14.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1212/2014

tal-11 ta' Novembru 2014

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dan il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Heinz ZOUREK

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Għaqda Doganali


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott solidu, ċilindriku, bil-kamin magħmul minn liga tat-titanju iebsa ħafna, lest bil-kulur b'tul ta' madwar 12 mm.

Il-prodott għandu sieq b'dijametru ta' barra kostanti ta' 3 mm u ras. Is-sieq hija kollha bil-kamin u b'kamin asimetriku. Ras il-vit hija bil-kamin (li jippermettilha li teħel ma' plakka tal-kompressjoni f'sistemi tat-twaħħil) u hi forma ta' sokit imdaħħal 'il ġewwa.

Il-prodott jikkorrispondi mal-istandards ISO/TC 150 għal viti għall-impjanti u huwa ppreżentat għal użu fil-qasam tal-kirurġija tat-trawmi għall-iffissar tal-ksur. Għandu jiġi installat fil-ġisem bl-użu ta' għodda speċifiċi.

Waqt l-importazzjoni, huwa ppreżentat f'ippakkjar sterilizzat. Il-prodott jiġi mmarkat b'numru u huwa għalhekk traċċabbli tul il-produzzjoni u d-distribuzzjoni.

 (*) Ara l-immaġni.

8108 90 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, nota 2(a) għat-Taqsima XV, nota 3 għat-Taqsima XV, nota 1(f) għall-Kapitolu 90 u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8108 , 8108 90 u 8108 90 90 .

Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, il-prodott jikkorrispondi b'mod sħiħ ma' vit ta' metall ta' valur baxx, anki jekk huwa intiż għall-użu fil-kirurġija tat-trawmi. Indipendentement mill-użu effettiv tagħhom, il-viti ta' metall ta' valur baxx huma, skont in-nota 2(a) għat-Taqsima XV, partijiet ta' użu ġenerali. Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9021 bħala qassaba u apparat ieħor għall-ksur hija għalhekk eskluża bis-saħħa tan-nota 1(f) għall-Kapitolu 90.

Għalhekk il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8108 90 90 , bħala artikoli oħra magħmulin mit-titanju.

Image

(*)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.