28.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 307/26


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1136/2014

tal-24 ta' Ottubru 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 283/2013 dwar il-miżuri tranżitorji rigward il-proċeduri li jikkonċernaw il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 78(1)(b) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 283/2013 (2) ħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 544/2011 (3) u jistipula rekwiżiti ġodda tad-dejta għas-sustanzi attivi.

(2)

Biex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda, ir-Regolament (UE) Nru 283/2013 jistabbilixxi miżuri tranżitorji li jikkonċernaw id-dejta mressqa għal applikazzjonijiet għall-approvazzjoni, għat-tiġdid ta' approvazzjoni jew emenda għall-approvazzjoni ta' sustanzi attivi u d-dejta mressqa għal applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni jew tal-emenda tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

(3)

Il-miżuri tranżitorji rigward il-proċeduri li jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jiġu emendati sabiex jippermettu, f'ċerti każijiet, is-sottomissjoni ta' dejta dwar is-sustanzi attivi fl-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jew għall-emenda tal-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, f'konformità mar-rekwiżiti tad-dejta fis-seħħ fi żmien l-approvazzjoni jew t-tiġdid tagħhom. Ir-raġuni għal tali bidla hija biex tiġi evitata l-okkorrenza ta' differenzi fil-valutazzjoni tad-dejta ġġenerata skont ir-rekwiżiti tad-dejta ġodda mill-Istati Membri li jappartjenu għal żoni differenti u, għaldaqstant, sabiex jinżamm approċċ uniformi u armonizzat lejn il-valutazzjoni ta' dik id-dejta permezz tal-evalwazzjoni tagħhom fil-livell tal-Unjoni.

(4)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 283/2013 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Fil-każ ta' applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, li jikkonċerna prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanza attiva waħda jew aktar, li għalihom ġew preżentati dossiers f'konformità mal-Artikolu 3 jew li għalihom l-approvazzjoni ma tkunx ġiet imġedda skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (*1), ir-Regolament (UE) Nru 544/2011 għandu jkompli japplika għas-sottomissjoni ta' dejta dwar dan/dawn tas-sustanza/i attiva/i.

(*1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).” "

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 283/2013 tal-1 ta' Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-dejta għas-sustanzi attivi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 93, 3.4.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 544/2011 tal-10 ta' Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti tad-dejta għas-sustanzi attivi (ĠU L 155, 11.6.2011, p. 1).