24.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 305/104


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1130/2014

tat-22 ta' Ottubru 2014

li jiftaħ il-kwota tariffarja għall-2015 għall-importazzjoni, fl-Unjoni Ewropea, ta' ċerti oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li ġejjin mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli koperti mir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/859/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja fuq il-Protokoll 2 għall-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 2 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja tal-14 ta' Mejju 1973 (3) (“il-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja”) u l-Protokoll 3 tal-Ftehim taż-ŻEE (4), jiddeterminaw l-arranġamenti għall-kummerċ għal ċertu prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati bejn il-Partijiet Kontraenti.

(2)

Il-Protokoll 3 tal-Ftehim taż-ŻEE jistipula dazju b'rata żero li japplika għall-ilmijiet li jkollhom iz-zokkor jew sustanzi tal-ħlewwa oħra miżjuda magħhom jew li jkunu bit-togħma, li jkunu jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 2202 10 00, u għal xarbiet mhux alkoħoliċi oħra li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 2202 90 10 li ma fihomx prodotti li jaqgħu taħt l-intestaturi 0401 sa 0404 jew xaħam miksub minn prodotti li jaqgħu taħt l-intestaturi 0401 sa 0404.

(3)

Għan-Norveġja, id-dazju b'rata żero għal dawk l-ilmijiet u għal dawk ix-xarbiet l-oħra ġie sospiż temporanjament għal perjodu mhux limitat permezz tal-Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-Protokoll 2 għall-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (5) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri”), li ġie approvat bid-Deċiżjoni 2004/859/KE. F'konformità mal-Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri, l-importazzjonijiet mingħajr dazju ta' oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 2202 10 00 u ex 2202 90 10 li joriġinaw fin-Norveġja għandhom jiġu permessi biss fil-limiti ta' kwota mingħajr dazju. Għandu jitħallas dazju fuq l-importazzjonijiet li jaqbżu l-allokazzjoni tal-kwota.

(4)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1322/2013 (6) stipula s-sospensjoni temporanja tar-reġim bla dazju li ma għandux jiġi applikat għal importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta' dawk l-ilmijiet u x-xarbiet mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2014, u b'hekk dawk l-oġġetti ngħataw aċċess mhux limitat u mingħajr dazju għall-Unjoni.

(5)

Il-kwota tariffarja għal dawk l-ilmijiet u x-xarbiet għall-2015 għandha tinfetaħ skont il-Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri. L-aħħar kwota annwali għal dawk il-prodotti nfetħet fl-2013 bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1085/2012 (7).Peress li ma nfetħet l-ebda kwota annwali għall-2014, huwa xieraq li l-volum tal-kwota għall-2015 jiġi stabbilit fl-istess livell bħal dak tal-2013.

(6)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (8) jistipula r-regoli għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Il-kwota tariffarja miftuħa b'dan ir-Regolament għandha tiġi ġestita skont dawk ir-regoli.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-kwistjonijiet orizzontali dwar il-kummerċ ta' prodotti agrikoli pproċessati li mhumiex elenkati fl-Anness I,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2015, il-kwota tariffarja bla dazju stipulata fl-Anness se tkun miftuħa għall-oġġetti li joriġinaw fin-Norveġja li huma elenkati f'dak l-Anness, bil-kundizzjonijiet speċifikati fih.

2.   Ir-regoli tal-oriġini stabbiliti fil-Protokoll 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja tal-14 ta' Mejju 1973 għandhom japplikaw għall-oġġetti elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

3.   Għall-kwantitajiet importati li jaqbżu l-volum tal-kwota, għandu japplika dazju preferenzjali ta' EUR 0,047 għal kull litru.

Artikolu 2

Il-kwota tariffarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha titmexxa mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 1.

(2)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 70.

(3)  ĠU L 171, 27.6.1973, p. 2.

(4)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(5)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 72.

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1322/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-għoti ta' aċċess bla dazju mingħajr limitu lill-Unjoni għall-2014 għal ċerti prodotti li joriġinaw min-Norveġja li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 (ĠU L 333, 12.12.2013, p. 68).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1085/2012 tal-20 ta' Novembru 2012 li jiftaħ il-kwota tariffarja għas-sena 2013 għall-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' ċerti oġġetti li joriġinaw fin-Norveġja li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 (ĠU L 322, 21.11.2012, p. 2).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).


ANNESS

Kwota tariffarja bla dazju għall-2015 li tapplika għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti oġġetti li joriġinaw min-Norveġja

Numru tas-serje

Kodiċi tan-NM

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Volum tal-kwota

09.0709

2202 10 00

Ilmiijiet, inklużi ilmijiet minerali u ilmijiet il-gass, li fihom iz-zokkor jew sustanzi tal-ħlewwa oħrajn miżjudin magħhom jew li huma bit-togħma

17,303 miljun litru

ex 2202 90 10

Xarbiet mhux alkoħoliċi oħrajn li fihom iz-zokkor (is-sukrożju jew iz-zokkor invertit)