22.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 303/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1117/2014
tat-22 ta' Ottubru 2014
dwar avvanzi għal pagamenti diretti li jridu jitħallsu mis-16 ta' Ottubru 2014 'il quddiem fil-Latvja u fil-Litwanja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 29(4)(a) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jistipula li pagamenti taħt skemi ta' appoġġ elenkati fl-Anness 1 ta' dak ir-Regolament għandhom isiru matul il-perjodu mill-1 ta' Diċembru sat-30 ta' Ġunju tas-sena kalendarja ta' wara. Madanakollu, l-Artikolu 29(4)(a) ta' dak ir-Regolament jippermetti lill-Kummissjoni li tipprovdi għal avvanzi tal-pagamenti. |
(2) |
L-Artikolu 29(5) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jistipula li l-Istati Membri jistgħu, mis-16 ta' Ottubru 2014, iħallsu avvanzi għal pagamenti sa 50 % tal-pagamenti diretti skont l-iskemi ta' appoġġ elenkati fl-Anness 1 ta' dak ir-Regolament fir-rigward tal-applikazzjonijiet li jkunu saru fl-2014. |
(3) |
Id-deċiżjoni tar-Russja li timponi projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti agrikoli mill-Unjoni, ikkawżat problemi finanzjarji gravi fis-setturi agrikoli ta' diversi Stati Membri, fosthom il-Latvja u l-Litwanja li talbu li jkunu awtorizzati biex jipprovdu avvanzi għal pagamenti li jaqbżu l-50 % imsemmi fl-Artikolu 29(5) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. |
(4) |
Sabiex il-bdiewa jkunu megħjuna jtaffu dawn id-diffikultajiet billi jkunu jistgħu jassorbu t-telf wara l-embargo sakemm tinkiseb l-istabilizzazzjoni tas-swieq, huwa xieraq li l-bdiewa Latvjani u Litwani jkunu jistgħu jirċievu avvanzi għal pagamenti sa 70 % tal-iskemi ta' appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. |
(5) |
Skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni tista' tadatta r-rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti sal-1 ta' Diċembru abbażi ta' informazzjoni ġdida li jkollha fil-pussess tagħha. B'konsegwenza ta' dan, ir-rata ta' aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja msemmija fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li eventwalment se tiġi applikata ma tistax tkun magħrufa sas-16 ta' Ottubru 2014. Għaldaqstant l-akbar avvanz għal pagament li jista' jitħallas għandu jiġi stabbilit bħala perċentwal tal-pagamenti diretti qabel l-aġġustament imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Mill-1 ta' Diċembru 2014, il-pagament tal-bilanċ għandu jqis ir-rata ta' aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja applikabbli dak iż-żmien. |
(6) |
Sabiex l-avvanzi għal pagamenti jkunu jistgħu jsiru mis-16 ta' Ottubru 2014, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu. |
(7) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Mis-16 ta' Ottubru 2014, il-Latvja u l-Litwanja jistgħu jħallsu lill-bdiewa sa 70 % tal-pagamenti diretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-applikazzjonijiet li jkunu saru fl-2014 mingħajr ma jitqies it-tnaqqis dovut lid-dixxiplina finanzjarja previst fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, dment li tiġi ffinalizzata l-verifika tal-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Il-pagament tal-bilanċ li għandu jingħata lill-benefiċjarji mill-1 ta' Diċembru 2014 għandu jqis ir-rata ta' aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja applikabbli dak iż-żmien għall-ammont totali tal-pagamenti diretti fir-rigward tas-sena kalendarja 2014.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ottubru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 458/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).