11.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 295/49 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1070/2014
tal-10 ta' Ottubru 2014
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 271/2009 fir-rigward tal-kontenut minimu tal-preparazzjoni ta' endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404) bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tal-bajd (id-detentur tal-awtorizzazzjoni BASF SE)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistipula l-awtorizzazzjoni ta' addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni. |
(2) |
L-użu tal-preparazzjoni ta' endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404) kien awtorizzat għal għaxar snin għall-qżieqeż miftuma, tiġieġ tas-simna, tiġieġ tal-bajd, dundjani tas-simna u papri tas-simna bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2009 (2), għal tiġieġ imrobbija għall-bajd, dundjani għal skopijiet tat-tgħammir, dundjani mrobbija għat-tgħammir, speċi minuri tat-tjur oħra (għajr papri tas-simna) u għasafar ornamentali bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1068/2011 (3) u għall-ħnieżer tas-simna bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1404/2013 (4). |
(3) |
Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, id-detentur tal-awtorizzazzjoni ppropona li jinbidlu t-termini tal-awtorizzazzjoni ta' dik il-preparazzjoni billi jitnaqqas il-kontenut minimu minn 560 TXU/kg għal 280 TXU/kg u minn 250 TGU/kg għal 125 TGU/kg tal-għalf komplet fir-rigward tal-użu għat-tiġieġ tal-bajd. L-applikazzjoni ntbagħtet flimkien mad-dejta ta' appoġġ relevanti. Il-Kummissjoni bagħtet din l-applikazzjoni lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”). |
(4) |
Fl-opinjoni tagħha tal-20 ta' Mejju 2014 (5), l-Awtorità kkonkludiet li skont il-kundizzjonijiet għall-użu ġodda proposti, il-preparazzjoni ta' endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404) għandha l-potenzjal li tkun effikaċi fuq it-tiġieġ tal-bajd fid-dożi minimi mitluba ta' 280TXU/kg u 125TGU/kg ta' għalf komplet. L-Awtorità ma tqisx li hemm bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għall-monitoraġġ wara l-kummerċjalizzazzjoni. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittivi tal-għalf fl-għalf li ġie mressaq mil-Laboratorju ta' Referenza stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. |
(5) |
Il-valutazzjoni tal-preparazzjoni ta' endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404) turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. |
(6) |
Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 271/2009 għandu jiġi emendat skont dan. |
(7) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 271/2009, fil-kolonna “Kontenut minimu” li tikkorrispondi mal-entrata għat-tiġieġ li jbidu, “560 TXU” tinbidel ma' “280 TXU” u “250 TGU” tinbidel ma' “125 TGU”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Ottubru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2009 tat-2 ta' April 2009 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni ta' endo-1,4-beta-xylanase u endo-1,4-beta-glucanase bħala addittiv fl-għalf għall-ħnienes miftuma, tiġieġ għat-tismin, tiġieġ li jbidu, dundjani għat-tismin u papri għat-tismin (detentur tal-awtorizzazzjoni BASF SE) (ĠU L 91, 3.4.2009, p. 5).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1068/2011 tal-21 ta' Ottubru 2011 dwar l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni enżimatika ta' endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404) bħala addittiv fl-għalf għal tiġieġ mrobbija għall-bajd, dundjani għal skopijiet ta' tgħammir, dundjani mrobbija għat-tgħammir, speċijiet minuri ta' tjur oħrajn (għajr il-papri għas-simna) u għasafar ornamentali (detentur tal-awtorizzazzjoni BASF SE) (ĠU L 277, 22.10.2011, p. 11).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1404/2013 tal-20 ta' Diċembru 2013 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni ta' endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404) bħala addittiv fl-għalf għall-ħnieżer għat-tismin (id-detentur tal-awtorizzazzjoni BASF SE) (ĠU L 349, 21.12.2013, p. 88).
(5) EFSA Journal 2014; 12(6):3723.